“Il-poplu huwa assolutament imxebba’ bl-abbużi li qed isiru.”
Dan kien is-sentiment espress waqt il-protesta li saret il-Ħadd, fil-Belt Valletta, organizzata minn Moviment Graffitti flimkien ma’ għaqdiet tar-residenti Beltin.

Il-protesta saret kontra dak li ħafna ilhom jilmentaw dwarha – l-imwejjed, is-siġġijiet u l-istrutturi kummerċjali li qed joħonqu l-bankini, il-pjazez, it-toroq, u l-bajjiet mhux biss ta’ din il-lokalità, iżda madwar il-gżejjer Maltin kollha.

Preżenti għal din il-protesta kien hemm numru ta’ għaqdiet kif ukoll residenti mill-belt kapitali li ilhom għal dawn l-aħħar xhur jaħdmu u jsemmgħu leħinhom fil-kampanja ‘Il-Bankini taċ-Ċittadini’.
Il-protesta għaddiet minn uħud mill-aktar toroq affettwati, fejn l-aċċess sigur u bla xkiel għan-nies huwa prattikament ineżistenti minħabba l-okkupazzjoni mill-istrutturi kummerċjali.

Net News tkellem ma’ membru ta’ Moviment Graffitti li spjega l-għan ta’ dawk kollha li attendew il-protesti – li pjazez u toroq pubbliċi jerġgħu jkunu aċċessibbli għal kulħadd u mhux okkupati għal raġunijiet ta’ kummerċ.
Spjega wkoll kif, minkejja diversi wegħdiet mill-Gvern li se tittieħed azzjoni biex l-ispazji pubbliċi li nħatfu mill-kummerċ jingħataw lura lin-nies, s’issa għadha ma dehret l-ebda forma ta’ azzjoni effettiva jew infurzar serju.

Intant, id-diversi talbiet mill-għaqdiet tar-residenti huma għal tisħiħ tal-liġi attwali, għal infurzar serju, u għal trasparenza fil-mod kif jingħataw il-permessi għal okkupazzjoni ta’ art pubblika, li sa din il-ġurnata baqgħu qatt ma ġew indirizzati mill-awtoritajiet.
