Internazzjonali

Il-konflitt ta’ Iżrael mal-Ħeżbollah: Spinta akbar ta’ attakki minn kull naħa… bil-kbir jista’ għadu ġej

Il-konflitt bejn Iżrael u l-milizji Xiti tal-grupp Ħeżbollah ingħata spinta sostanzjali, bil-qawwiet avversarji jwettqu l-attakki fuq skala kbira għal fuq iz-zoni tal-pajjiżi rispettivi man-naħat opposti tal-fruntiera komuni.

U waqt li t-tensjoni qed tirranka b’mod konsistenti, l-uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti wissew li r-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani jinsab f’xifer ta’ katastrofi imminenti. Dan meta kibret il-possibbiltà li l-pajjiżi kważi kollha tar-reġjun jispiċċaw fl-eqqel ta’ gwerra mifruxa u inkontrollabbli li għandha tħalli aktar eluf ta’ mejtin u midruba.

Dan ukoll meta l-gwerra f’Gaza bejn il-qawwiet Iżraeljani u l-grupp terroristiku Ħamas dalwaqt tagħlaq sena – u bil-konklużjoni ta’ dawn l-ostilitajiet għadha tidher ferm ‘il bogħod.

Il-Ħeżbollah, sadanittant, qed jidhru li rkupraw mix-xokk u diżorganizzazzjoni tal-aħħar jiem fost it-Tmexxija tiegħu. Dan wara li l-aġenti sigrieti ta’ Iżrael kienu wettqu sabutaġġ fil-mezzi tat-tagħmir li kienu qed jużaw l-istess membri tal-Ħeżbollah u fost l-isplużjonijiet sussegwenti  li ħallew ammont terribbli ta’ mejtin u midruba fil-Libanu.

Intant, il-milizji Lebaniżi, fil-lejl tas-Sibt u l-Ħadd, sparaw tal-anqas 150 missila lejn Iżrael, bil-militar Iżraeljan jinterċetta u jinnewtralizza l-parti kbira tagħhom. Madankollu, numru ta’ missili laqtu lil xi bini residenzjali fil-belt ta’ Haifa, fin-nofsinar ta’ Iżrael, u fejn ikkaġunaw in-nirien. Kien hemm anki r-rapporti dwar diversi midruba fl-inħawi.

Min-naħa tagħhom, l-osservaturi qalu li l-missili tal-Ħeżbollah, fil-fatt, laqtu miri ħafna aktar ‘il ġewwa f’Iżrael milli huma qatt irnexxielhom jagħmlu mill-bidu tal-kunflitt attwali ma’ Iżrael, li ilu għaddej mit-8 ta’ Ottubru. Fl-istess ħin, il-grupp militanti Reżistenza Iżlamika bbażat fl-Iraq, grupp li hu wkoll alleat tal-Ħeżbollah u l-Iran, qal li anki l-ġellieda tiegħu sparaw il-missili u d-drones lejn Iżrael b’appoġġ għall-milizji Xiti Lebaniżi.

Madankollu, Iżrael, fl-aħħar sigħat, xorta rnexxielu jwettaq mewġa ta’ attakki mill-ajru ġodda u effettivi fuq is-siti tal-Ħeżollah fin-Nofsinar tal-Libanu. Dan waqt li kelliema għall-militar Iżraeljan qalu li l-ajruplani qerdu ammont sostanzjali ta’ faċilitajiet tal-gwerra tal-Ħeżbollah, fosthom eluf ta’ rocket launchers.

Mistenni wkoll li l-Ħeżbollah, fis-sigħat li ġejjin, iwettaq l-attakki ġodda fuq Iżrael wara l-konferma li l-maqtula fl-attakk tal-Ħamis mill-Iżraeljani fuq fortizza tal-Ħeżbollah f’Bejrut issa qabżu l-50. Fost il-vittmi hemm ‘il-kapijiet u l-istrateġisti’ tal-milizji Xiti li kienu f’bini li ntlaqat direttament minn missila.

Iżrael u l-Punent iqisu lill-Ħeżbollah, l-istess bħall-Ħamas, bħala grupp terroristiku li ilu s-snin ta’ theddida kbira għall-istabbiltà fil-Lvant Nofsani.