F’każ li seħħ ilbieraħ filgħaxija fil-Ħamrun, għal darba oħra ħareġ ċar kemm jeżisti nuqqas ta’ riżorsi fil-Korp tal-Pulizija hekk kif fi ġlieda, numru żgħir ta’ Pulizija ma setgħux jikkontrollaw grupp ta’ nies waqt ġlieda li nqalgħet u saħansitra ġew aggrediti xi uffiċjali tal-Pulizija. Ħames persuni ġew arrestati f’din il-ġlieda wara li aggredew bi vjolenza żewġ pulizija li kellhom jiddaħħlu l-isptar għall-kura.
Il-Partit Nazzjonalista, qal fi stqarrija Darren Carabott, ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, juri solidarjetà ma’ dawn l-uffiċjali li għamlu xogħolhom u daħlu f’periklu biex jippruvaw iżommu l-paċi pubblika.
Il-Partit Nazzjonalista jagħmel appell ċar biex isir sforz u investiment fir-riżorsi u fin-numri ta’ uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija. F’dawn l-aħħar 10 snin, sfortunatament, il-Korp ra l-istess ammont ta’ nies iservu fi ħdanu, u dan minkejja li kemm il-popolazzjoni kif ukoll it-tipi ta’ reati, żviluppaw u kibru.
Darren Carabott qal li l-Partit Nazzjonalista llum jesprimi solidarjetà u jirringrazzja lil dawn l-uffiċjali tal-Pulizija tal-eżempju u s-servizz tagħhom. Gvern Nazzjonalista ta’ għada se jkun qed jinvesti bis-serjetà fil-kundizzjonijiet tas-servizz tal-uffiċjali u l-ordni pubblika.
//= $special ?>