Lokali

Il-President Metsola fi New York għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

Il-President t-Parlament Ewropew u MEP f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola, ingħaqdet ma’ diversi mexxejja minn madwar id-dinja li se jkunu qed jieħdu sehem f’ġimgħa ta’ laqgħat b’rabta mad-79 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda. 

Fl-ewwel kummenti minn New York fil-jum li fih Malta ċċelebrat is-60 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza, il-President Metsola qalet li tinsab hemm biex tiddiskut iu semma’ l-vuċi tal-Ewropa madwar id-dinja. Kompliet li l-għan hu biex jissaħħaħ ir-rwol taċ-ċentru politiku, biex jinstabu soluzzjonijiet u tweġibiet għall-aspettattivi tan-nies.

Fl-ewwel impenn tagħha, il-President Metsola indirizzat l-għeluq ta’ avveniment tas-Summit of the Future Action Days li ffoka fuq it-tema ta’ kif il-parlamenti jistgħu jnaqqsu d-distakk ta’ finanzjament tal-għanijiet għall-iżvilupp sostenibbli. L-avveniment kien koorganizzat bejn il-Parlament Ewropew u l-Kosta tal-Avorju.

Mit-22 sat-23 ta’ Settembru 2024, l-Istati Membri tan-NU se jiltaqgħu għas-Summit of the Future, fi New York, matul il-ġimgħa li fiha qed titlaqqa’ l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-għan tas-Summit huwa li jsaħħaħ il-governanza globali billi jinħoloq kunsens internazzjonali ġdid dwar kif jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin u n-nuqqasijiet li ħarġu riżultat ta’ sfidi globali li żviluppaw fl-aħħar snin. Is-Summit iħares ukoll biex jafferma mill-ġdid l-impenji għall-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli u ċ-Charter tan-NU, filwaqt li ttejjeb il-kooperazzjoni u tpoġġi l-pedamenti għar-riforma tal-istrutturi tagħha li ilhom hekk għal diversi snin.

Matul l-avveniment tal-ftuħ illum, l-istati membri tan-NU se jadottaw dikjarazzjoni politika msejħa ‘Patt għall-Futur,’ li ġiet innegozjata qabel is-Summit.