Lokali

Kull kunsillier lokali huwa fid-dover li jżomm kuntatt mar-residenti – PN

Il-Kunsill Lokali Laburista taż-Żejtun jipprova jagħmel sarima ma’ ħalq kunsilliera tal-PN fil-lokalità

Il-Partit Nazzjonalista u l-Kulleġġ Kunsillieri Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN) jiddeploraw bil-qawwa kollha stqarrija li ħarġet ilbieraħ mill-Kunsill Lokali Laburista taż-Żejtun (jew mis-Sindku waħidha) li tikkundanna lill-Kunsilliera tal-PN Enya Abela sempliċiment għax qed iżżomm liż-Żwieten infurmati bil-ħidma tagħha.

Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem emmen fil-libertà tal-espressjoni u dan id-dritt għandu jiġi rispettat minn kulħadd. Iktar minn hekk, kull kunsillier u kull min jokkupa kariga eletta huwa fid-dover li jżomm lill-elettorat tiegħu kif ukoll lill-kostitwenti infurmati bil-ħidma li tkun qed titwettaq.

Dak li qed jipprova jimponi l-Kunsill Lokali taż-Żejtun mhu xejn għajr oppressjoni u ċensura biex il-poplu Żejtuni jaslulu biss messaġġi kif jiddeċiedi xi ħadd u jisma’ biss qanpiena waħda. Dan huwa l-istess mod kif jaħdem ir-reġim tal-Korea ta’ Fuq.

Il-Partit Nazzjonalista kien dak il-partit fil-gvern li ħadem biex f’dan il-pajjiż ikun hawn il-libertà tal-espressjoni kontra dak li xtaq dak iż-żmien il-Partit Laburista. Il-PN irid li din il-libertà tibqa’ titgawda minn kulħadd, inkluż mill-kunsillieri lokali kollha.

Filwaqt li jesprimi solidarjetà mal-Kunsilliera Enya Abela, il-PN jappella lilha u lill-kunsillieri lokali kollha biex jibqgħu jsemmgħu leħinhom u ma jħallu lil ħadd jagħmlilhom sarima ma’ ħalqhom.

Iktar minn hekk, l-ebda theddid mhu se jaqta’ qalb il-kunsillieri lokali tal-PN milli jkomplu jwettqu d-doveri tagħhom b’risq ir-residenti f’kull lokalità f’Malta u Għawdex.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq dan il-każ quddiem il-Bord tal-Governanza Lokali biex jinvestiga l-ksur ta’ etika meta ġiet ippubblikata din l-istqarrija.

Finalment, il-Partit Nazzjonalista jitlob lill-Ministru u lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali biex jintervjenu f’dan il-każ u jaraw li intimidazzjoni bħal din fuq minoranza ta’ kunsill lokali tieqaf immedjatament u ma tirrepetix ruħha. Jekk ma jagħmlux hekk, nifhmu li jaqblu u huma kompliċi ma’ dan l-aġir.