Lokali

L-isfida ta’ Neil Agius tidħol fit-tieni jum tagħha

Daħlet fit-tieni jum tagħha l-isfida tal-għawwiem Neil Agius madwar il-gżejjer Maltin – inizjattiva li ngħatat l-isem ‘Small Island, Big Swim’.

Agius beda l-għawma tiegħu s-Sibt mill-bajja tal-Mellieħa, u bħalissa wasal mal-kosta tal-gżira Għawdxija. Dan wara li qatta’ lejl sħiħ tiela’ bl-għawma tiegħu minn naħa tal-Punent ta’ Malta.

L-għan aħħari hu li jkopri total ta’ 160 kilometru madwar l-Gżejjer Maltin. U din hija sfida unika, li mhux biss tista’ tikser rekord personali ta’ 126 kilometru, imma anke rekord dinji tal-itwal għawma madwar il-Gżejjer Maltin bla waqfien u mingħajr assistenza f’baħar miftuħ.

Biex tkun suċċess, waqt l-għawma tiegħu Neil Agius ma jistax ikollu kuntatt fiżiku mal-bastimenti ta’ appoġġ.

Agius qed juża din l-isfida biex iqajjem kuxjenza dwar il-protezzjoni tal-ambjent marittimu, b’diversi attivitajiet ta’ tindif li diġà ġew organizzati. Imma fuq kollox, hija sfida li tikkonferma d-determinazzjoni ta’ dan l-atleta.

Intant, il-progress ta’ Neil Agius jista’ jiġi segwit online f’ħin reali permezz ta’ tracker GPS li jinsab disponibbli fuq il-websajt uffiċjali tal-atleta Malti.