F’artiklu ppubblikat fil-gazzetta “It-Torċa”, intqal bl-aktar mod ċar li l-Prim Ministru Robert Abela m’aċċennax biżżejjed għat-tbatijiet tal-poplu Malti fid-diskors li għamel fil-Konferenza Ġenerali tal-Labour. U dan qed ikompli joħroġ biċ-ċar l-insensittività tal-istess Prim Ministru.
L-artiklu iffoka fuq il-fatt li l-Partit Laburista ma jistax jiffoka fuq x’għamel, imma xi jrid jaħdem sabiex pajjiżna jkun aħjar u jaqbad direzzjoni ġdida.
Issemma fost l-oħrajn il-fatt li għal dan il-Gvern “l-ekonomija ġiet qabel in-nies”. Dan b’messaġġ dirett għal Prim Ministru li jħobb jiftaħar bin-numri u li hu maqtugħ mir-realtà tal-Maltin u Għawdxin – tant li ddeċieda li “jwarrab il-Malti”.
L-artiklu fil-gazzetta tal-GWU kompla jsostni li fid-diskors tiegħu Abela kellu ton ta’ għalliem; ton li ġie deskritt bħala wieħed arroganti u superjuri. Dan anke għall-fatt li ħafna diffikultajiet li għaddejjin minnhom il-Maltin ma ġewx indirizzati mill-Prim Ministru, u minflok Abela spiċċa jitkellem fuq it-teorija u n-numri tal-ekonomija.
Ġie spjegat kif fl-aħħar mill-aħħar il-poplu mhuwiex sempliċiment numri – għaliex fid-djar hemm nies bi bżonnijiet u diffikultajiet varji. Xi ħaġa li l-Prim Ministru, qatt ma jidher li fehem.
Il-gazzetta tal-GWU tagħlaq bil-fatt li l-Partit Laburista fil-Gvern spiċċawlu l-proposti u qed jerġa’ jmur lura għal ideat riċiklati mill-passat kemxejn imċajpar tal-istess partit tal-Labour, hekk kif skont l-artiklu fil-gazzetta ‘It-Torċa’, il-Gvern qisu ddeċieda li jipprijoritizza n-numri u l-indiċi, flok in-nies li ta’ kuljum jaffaċċjaw sfidi varji – mit-traffiku ta’ kull filgħodu, għall-isfida tal-għoli tal-prezzijiet.
//= $special ?>