Ħames Maltin ġew arrestati wara li żewġ uffiċjali tal-Pulizija ġew aggrediti fil-Ħamrun.
Il-każ beda fi Triq il-Kbira s-Sibt filgħaxija – każ li ħoloq kommossjoni kbira fost dawk kollha li f’dak il-ħin inżertaw fiċ-ċentru ta’ din il-lokalità.
Il-ġlieda nqabdet minn filmati li ġew ippublikati fuq il-midja soċjali fl-aħħar sigħat.
Net News huwa infurmat li l-persuni involuti ġew arrestati, u mhux eskluż li jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin.
Il-każ kien kundannat kemm mix-Shadow Minister għall-Intern Darren Carabott, kif ukoll mill-Ministru Byron Camilleri.
Dan mhux l-ewwel każ tax-xorta tiegħu illi seħħ fl-aħħar xhur, b’rapporti ta’ ġlied f’diversi zoni tal-pajjiż – inkluż f’Għawdex.
Stqarrija maħruġa mill-Pulizija
Erbat irġiel u mara Maltin qegħdin jinżammu taħt arrest wara li lbieraħ għall-ħabta tat-8:30pm aggredew żewġ pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijithom fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun.
Il-Pulizija sfaw aggrediti wara li ħarġu taħrika għal karozza li kienet ipparkjata illegalment. Kien
f’dan il-punt li ħarġu numru ta’ persuni minn stabbiliment u li bdew jargumentaw mal-pulizija,
li taw ordnijiet għaż-żamma tal-ordni pubblika u għall-koperazzjoni tal-persuni kkonċernati.
Iżda huma injoraw dawn l-ordnijiet u kkawżaw ġrieħi lill-uffiċjali. Il-Pulizija kienu kostretti
jużaw il-pepper spray u t-taser.
Fuq il-post, waslu aktar pulizija u s-sitwazzjoni ġiet ikkontrollata. Il-persuni arrestati fuq il-post
huma mara ta’ 42 sena u żewġt irġiel ta’ 46 u 44 sena. Mill-investigazzjonijiet irriżulta wkoll li
kien hemm żewġ persuni oħra li telqu minn fuq il-post, żewġt irġiel ta’ 23 u 33 sena, li kienu
involuti f’dan il-każ u li ġew identifikati minnufih u arrestati mir-residenzi rispettivi tagħhom.
Fil-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet liż-żewġ pulizija l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn wieħed ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi u ieħor bi ġrieħi ħfief.
Il-Maġistrat Abigail Critien ġiet infurmata b’dan il-każ filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>