Lokali

“Robert Abela jerġa’ jinjora l-bżonn ta’ mudell ekonomiku ġdid għal pajjiżna” – PN

Dalgħodu, Robert Abela reġa’ injora l-bżonn ta’ mudell ekonomiku ġdid għal pajjiżna.

Dan qalu fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista b’rabta mad-diskors li għamel dalgħodu, mimli attakki partiġjani fejn Robert Abela ammetta li rridu nibdew nindirizzaw il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi wara li llum, kulħadd jirrikonoxxi li fl-aħħar 11-il sena, il-kwalità tal-ħajja konsistentament marret lura.

Fl-istess waqt, Robert Abela qal li lejlet il-Budget, jippretendi li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jgħid x’jagħmel differenti li kieku l-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern meta injora l-fatt li Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista ilhom snin issa jgħidu li hemm bżonn mudell ekonomiku ġdid li jkun ibbażat fuq il-kwalità u mhux il-kwantità.

Għall-kuntrarju ta’ Robert Abela u l-Partit Laburista, li huma bla ideat, Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista qed joffru viżjoni ekonomika u soċjali li tieħu ħsieb lin-nies u mhux sempliċiment moħħha fl-istatistika.

Robert Abela qal ukoll li “lilna tafuna u magħna tafu fejn qegħdin”. U dan jikkonferma li Robert Abela m’għandu l-ebda intenzjoni jbiddel il-mudell ekonomiku li dejjaq lill-poplu Malti u Għawdxi.