Internazzjonali

Stati Uniti: Sparatura f’Alabama tħalli numru ta’ vittmi… bil-pulizija qed tinvestiga

Il-Pulizija qed tinvestiga qtil tal-massa ieħor b’konsegwenza ta’ sparatura li seħħet tard fil-lejl tas-Sibt f’Birmingham, fl-Istat ta’ Alabama.

L-aħħar rapporti qalu li fl-isparatura nqatlu tal-anqas ħamsa, b’madwar 20 oħra jisfaw midruba b’konsegwenza tal-attakk ‘kiesaħ u biered’.

Kollox jindika li grupp ta’ rġiel armati kienu fetħu n-nar fuq grupp ieħor ta’ nies li kienu fiz-zona tal-belt magħrufa bħala Five Points South – u fejn il-pulizija sabu l-katavri tal-vittmi, fosthom mara, minxurin mal-art. Mifhum ukoll li wieħed fost il-vittmi miet l-isptar mill-ġrieħi li ġarrab.

Ma laħqu saru l-ebda arresti, bil-pulizija tispiċċa tinterroga lil ‘diversi sorsi’ li qed jgħinu fl-istħarriġ. Huma qalu li dan ma kienx xi inċident iżolat fejn il-vittmi setgħu spiċċaw ‘fil-post ħażin’ waqt konfront bejn il-gruppi kriminali rivali f’Birmingham.

Id-distrett ta’ Five Points South hu post ta’ divertiment, magħruf sew għan-nightlife, u l-klijenti ta’ stabbiliment tax-xorb fl-inħawi, wara l-inċident, qalu li huma kienu semgħu t-tiri ta’ arma awtomatika fil-viċinanzi.

Din is-sena, fl-Istati Uniti, saru aktar minn 400 sparatura fuq in-nies magħrufin bħala ‘mass shootings’ – dejjem skont l-istatistika tal-Gun Violence Archive.