Il-Partit Nazzjonalista stqarr li l-Gvern Laburista għadu mhux jifhem li l-flus li jberbaq mhumiex tiegħu, u li għandu l-obbligu jispjega kif u fejn qed jonfoq it-taxxi tal-ħaddiem Malti. Minkejja li saru diversi talbiet għall-informazzjoni, għadna ma nafux fejn spiċċaw eżatt l-€4,000,000 li ntefqu għall-Mediterrane Film Festival ta’ din is-sena.
Fi stqarrija, ix-Shadow Minister Julie Zahra, qalet li l-Gvern Laburista tant sar arroganti, li jaħseb li jista’ jgħaddi romblu minn fuq kulħadd u li mhux kontabbli ta’ għemilu. Dan ħareġ ċar mill-aġir irresponsabbli tal-Kummissarju tal-Films li jaħseb li għandu xi dritt sagrosant li jonfoq kemm jiflaħ, imbagħad iċaħħad lill-ġurnalisti u lill-poplu mill-informazzjoni dwar l-infiq tiegħu.
Il-Kummissarju tal-Films għadu qed isabbat saqajh u ma jridx jgħid kemm ġie jiswa l-festival ta’ din is-sena minkejja diversi talbiet li saru għal din l-informazzjoni kemm permezz ta’ mistoqsijiet parlamentari u anke mill-ġurnalisti. Johann Grech rasu mistrieħa li se joħroġ għonqu għalih il-Ministru Clayton Bartolo, għax anke hu kemm-il darba naqas milli jagħti rendikont tal-infiq tiegħu. Iżda l-Partit Nazzjonalista mhux se jibża’ la minn Johann Grech u lanqas minn Clayton Bartolo, u se jibqa’ jsus biex isir magħruf fejn marru flus il-poplu.
L-aġir tal-Gvern la hu xhieda ta’ governanza tajba, u wisq inqas ta’ trasparenza u kontabbiltà. Kieku l-Gvern investa bis-serjetà fl-industrija tal-films lokali u għax jemmen fil-kapaċità tal-ħaddiema lokali f’din l-industrija, kieku għandhom ferm aktar riżorsi, mhux qed ikollhom jillapazzaw jew jaraw minn fejn se jġibu l-fondi meħtieġa għall-arti tagħhom.
Għal darba oħra qed ikollu jkun il-Partit Nazzjonalista li jqis l-interessi tal-ħaddiem Malti, għax il-Gvern Laburista issa hu kompletament maqtugħ mir-realtajiet ta’ pajjiżna. Aħna rridu naraw li jkun hemm investiment serju fl-industrija tal-films kemm dawk li jiġu jinħadmu f’pajjiżna u anke dawk lokali, u hekk inkunu verament qegħdin nagħtu garanzija ta’ xogħol lill-ħaddiema f’dan is-settur li jiġġenera l-flus fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
//= $special ?>