Il-bidu tal-istaġun tal-Ħarifa kull sena jfakkarna li wasslet sena skolastika oħra, fejn mill-jum tat-Tnejn l-għalliema rritornaw fl-iskejjel – bl-istudenti se jirritornaw lejn il-bankijiet tal-iskola mill-Erbgħa li ġej.
Kienu madwar 8,200 l-edukaturi li marru lura lejn il-post tax-xogħol tagħhom fl-iskejjel tal-Gvern sabiex ikollhom kollox preparat għal meta jidħlu lura l-istudenti sabiex jibdew sena oħra ta’ tagħlim.
Infatti, minn nhar l-Erbgħa li ġej 29,086 student u studenta bejn l-ewwel sena tal-primarja u l-ħdax-il sena tas-sekondarja se jidħlu lura fl-iskejjel tal-Gvern. Biex imbagħad, fl-1 ta’ Ottubru, madwar 5,911 student jibdew il-vjaġġ edukattiv tagħhom fil-livell ta’ kindergarten.
Dan ifisser li jkunu daħlu total ta’ 34,997 student u studenta fl-iskejjel tal-Istat.
Matul il-jum tat-Tnejn, daħlu lura xi studenti fl-iskejjel tal-privati. Dan filwaqt li anke tal-Knisja se jidħlu lura fuq il-bankijiet tal-iskola f’dawn il-jiem.
Il-Gvern qed jgħid li għal din is-sena skolastika ġew impjegati 235 professjonist ġdid li huwa tnaqqis ta’ 40 professjonist meta kkumparat mas-sena li għaddiet. Dan meta sena wara l-oħra qed tkompli tippersisti l-problema tan-nuqqas ta’ edukaturi.
Apparti minn hekk, kienu mġedda wkoll 544 kuntratt ta’ professjonisti oħrajn – għalkemm huwa evidenti li hemm xorta nuqqasijiet, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam man-numru ta’ LSEs.
Matul din is-sena skolastika se jkun hemm 3,449 rotta ta’ trasport għall-iskejjel li minnhom 931 huma għall-istudenti tal-iskejjel tal-Istat. Dan ifisser li total 33,761 student u studenta mil-livell ta’ kindergarten sas-sekondarja se jagħmlu użu minn dan is-servizz.
Intant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista afferma li se jkompli jaħdem favur l-amministraturi tal-iskejjel, l-għalliema u l-edukaturi kollha f’kull livell fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u tal-Privat biex ikompli jħejji politika favur edukazzjoni ekwa u ġusta biex tgħin lit-tfal u ż-żgħażagħ jiffurmaw ruħhom bl-aqwa mod possibbli.
//= $special ?>