Sport

Il-25 edizzjoni tan-Nofs Maratona u l-10km taż-Żurrieq

Express Trailers iġġedded l-isponsorship għal tliet snin oħra

L-edizzjoni 2024 tal-Express Trailers Żurrieq Half Marathon, b’tellieqa ta’ 21km, tellieqa ta’ 10km u tellieqa għat-tfal ta’ 1.5km, se ssir nhar il-Ħadd 3 ta’ Novembru, u din se tkun il-25 edizzjoni ta’ din it-tellieqa tant popolari tat-triq.

Dan tħabbar hekk kif Express Trailers reġgħet ġeddet l-impenn ta’ sponsorizzazzjoni ta’ tliet snin maż-Żurrieq Wolves Athletic Club, bil-għan li l-klabb ikompli jsaħħaħ il-parteċipazzjoni u jtejjeb il-kwalità ta’ dan l-appuntament atletiku annwali kull Novembru.

F’kumment minn Express Trailers, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Etienne Attard enfasizza d-deċiżjoni tal-kumpanija li ġġedded l-appoġġ tagħha għal dan l-avveniment annwali minħabba l-impenn tal-organizzaturi tagħha biex din it-tellieqa titkabbar għal waħda mill-avvenimenti ewlenin tat-triq tal-istaġun.

Express Trailers bdew jappoġġjaw in-Nofs Maratona annwali taż-Żurrieq Wolves Athletic Club fl-2013. Din kienet l-ewwel assoċjazzjoni tal-kumpanija ma’ avveniment atletiku u l-assoċjazzjoni tagħha maż-Zurrieq Wolves Athletic Club ġejja mill-kulur uffiċjali komuni: l-oranġjo.

Qabel l-involviment ta’ Express Trailers, l-avveniment kien jiġbed madwar 130 atleta. Minn mindu bdiet din is-sħubija, l-avveniment kompla jikber sew tant li llum, b’aktar minn 1,000 atleta, huwa rikonoxxut bħala t-tielet l-akbar avveniment ta’ tiġrijiet fit-toroq f’Malta.

Express Trailers mhux biss qed tgħin f’dan l-avveniment b’mod finanzjarju iżda bħala operatur ewlieni tal-loġistika, il-kumpanija se tkun qed twassal ukoll għajnuna loġistika fosthom il-vettura li se tintuża bħala lead car waqt it-tlielaq u għajnuna oħra ta’ trasport marbut mal-organizzazzjoni. Aktar informazzjoni dwar l-edizzjoni 2024 tal-Express Trailers Żurrieq Half Marathon, it-tellieqa ta’ 10km u t-tellieqa għat-tfal ta’ 1.5km tinstab fuq is-sit https://www.maltamarathon.com/zurrieq_half_10k_race_route.htm