Il-Prim Ministru Robert Abela ma jridx jilqa’ t-talba tal-familja ta’ Nicolette Ghirxi, u agħar minn hekk, ma jridx jiltaqa’ magħhom.
Dan żvelah l-avukat tal-familja, Joseph Borda, hekk kif sitt ġimgħat wara li l-mara ta’ 48 sena nqatlet mill-eks sieħeb fl-appartament tagħha fis-Swatar, Robert Abela qed ikompli jkun totalment insensittiv quddiem it-tbatija ta’ din il-familja.
F’intervista mal-ġurnal Times of Malta, l-Avukat Borda spjega li d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-familja jinsabu f’xifer li jfallu għal kollox.
Huwa qal li ftit tal-ġimgħat ilu kellu laqgħa mal-Prim Minsitru b’mod virtwali, b’Abela jfarfarha fuq tliet Ministri tiegħu. Borda saħaq li l-Gvern ried li l-inkjesta tkun ristretta biss għas-servizzi offruti lil Nicolette Ghirxi mill-FSWS – madanakollu l-familja tagħha opponiet tali inkjesta. U baqgħet tinsisti għal inkjesta li tkopri kollox.
L-avukat tal-familja saħaq li ma jistax jifhem għalfejn, ladarba l-vjolenza domestika suppost hija prijorità, il-Gvern qiegħed jopponi tali proposta biex kollox u kulħadd jiġu investigati.
Huwa saħaq li huwa ċar kristall li l-intenzjoni tal-Gvern ta’ Robert Abela huwa li jixħet taħt it-tapit dan l-omiċidju u kull ħaġa li turi fejn l-istat falla. L-avukat insista li l-familja ta’ Ghirxi jinsabu mxebba’ – iżda huma determinati li toħroġ il-verita kollha.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech diġa’ iltaqa’ mal-familja ta’ Nicholette Ghirxi, u spjegalhom kif il-Partit Nazzjonalista jifhem dak li għaddejjin minnu …u jappoġġja t-talba tagħhom għal inkjesta pubblika u indipendenti biex tkun magħrufa l-verità kollha f’dan il-każ.
Il-PN se jibqa’ joffri l-appoġġ kollu tiegħu lill-familja ta’ Nicolette Ghirxi.
Intant, kien biss wara li ħarġet din l-istqarrija illi l-Prim Ministru – issa – qed jgħid li se jiltaqa’ mal-familja ta’ Ghirxi.
//= $special ?>