Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-għalliema u l-edukaturi

Il-Partit Nazzjonalista sellem lill-għalliema u lill-edukaturi u jirringrazzjahom bil-quddiem hekk kif illum jidħlu lura fl-iskejjel biex jagħtu bidu għal sena skolastika oħra li ġġib magħha opportunitajiet ġodda għal kull tifel u tifla.

Fi stqarrija, Justin Schembri, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja, qal li biex it-tfal kollha jimxu ’l quddiem u jilħqu l-miri tagħhom, l-iskejjel, l-għalliema u l-edukaturi jeħtieġu mhux biss l-appoġġ u s-sostenn imma wkoll l-għodda neċessarja biex jirnexxu.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen li l-professjoni għandha tkun rispettata dejjem aktar għaliex l-iskejjel jibnu lil kull tifel u tifla u għalhekk jerfgħu l-piż tal-ġid edukattiv fuq spallejhom minkejja d-diffikultajiet li jistgħu jsibu quddiemhom kontinwament.

Il-Partit Nazzjonalista jafferma li se jkompli jaħdem mill-Oppożizzjoni favur l-amministraturi tal-iskejjel, l-għalliema u l-edukaturi kollha f’kull livell fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u tal-Privat biex ikompli jħejji politika favur edukazzjoni ekwa u ġusta biex tgħin lit-tfal u ż-żgħażagħ jifformaw ruħhom waqt il-perkors tat-tagħlim.

Għall-Partit Nazzjonalista, l-attenzjoni għandha tkun fuq l-edukazzjoni priventiva, inklussiva, kreattiva u diġitali.