L-Aġenzija Project Green hija l-akbar diżappunt tal-Gvern mill-Elezzjoni Ġenerali ‘l hawn – aġenzija li sentejn ilu l-Partit Laburista prattikament bena l-Manisfest Elettorali tiegħu fuqha.
Dan intqal fil-gazzetta “It-Torċa” minn dak li qed isejjaħ lilu nnifsu ‘Il-Malti’, hekk kif spjega li fl-aħħar xhur, ċioè minn meta laħaq Joseph Cuschieri bħala Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Project Green daqslikieku mietet u ma smajna xejn aktar fuqha… u wisq inqas fuq il-proġetti li wegħdu.
L-artiklu jfakkar li l-proposti mwiegħda mhux se jsiru jew ma jistgħux isiru, bħal proġett f’San Ġwann – bil-Malti jisħaq li din l-aġenzija bħal donnha sparixxiet.
Intant fl-artiklu fil-gazzetta tal-Ħadd tal-GWU, ingħad li l-familji Maltin u Għawdxin ma jistgħux ikomplu joħorġu mit-taxxi tagħhom pagi eżorbitanti lill-kapijiet eżekuttivi meta dawn xogħolhom mhux jagħmluh – f’attakk ċar fil-konfront tal-istess Cuschieri.
Dan filwaqt li fl-artiklu saret kritika qawwija għad-diskors li għamel il-Mexxej Laburista Robert Abela f’għeluq il-Konferenza Ġenerali tal-Partit tal-Labour partikolarment għall-fatt li l-istess Abela saħaq li jrid ekonomija li tħalli impatt minimu fuq l-infrastruttura.
L-awtur tal-artiklu saħaq li għal xi raġuni, Abela ma jridx li jkun hemm impatt qawwi fuq l-infrastuttura imma mhux fuq in-nies – qisu l-Gvern għadu mhux jifhem jew inkella agħar minn hekk, il-Gvern fehem u ddeċieda li jwarrab liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u jipprijoritizza l-ekonomija akkost ta’ kollox.
Finalment kien espress l-inkwiet kbir fuq id-direzzjoni fit-tul tal-Labour li tidher li hija biss paroli – bl-artiklu jisħaq li l-Partit Laburista huwa nieqes ħafna mill-ideat tant li skont l-awtur qiegħed imur lura fil-passat jirriċikla kampanji li pajjiżna diġà ra.
//= $special ?>