Lokali

Jinġabru €1,528,367 b’risq ‘Dar Bjorn’

€1,528,367

Din kienet is-somma finali li nġabret fil-maratona li saret il-Ħadd b’risq Dar Bjorn – fejn għal sena oħra, il-Maltin u l-Għawdxin urew il-qalb kbira tagħhom hekk kif fi 12-il siegħa, eluf ta’ persuni taw id-donazzjoni tagħhom b’risq Dar Bjorn Respite.

Din ir-residenza tilqa’ persuni li għandhom l-ALS; kundizzjoni li tattakka n-nervituri tal-persuna, u li tirriżulta fi dgħufija fil-muskoli tal-ġisem. Huwa għalhekk li persuni bl-ALS ikollhom bżonn ħafna għajnuna, u apparat sabiex ikunu jistgħu jgħixu l-ħajja ta’ kuljum.

Waqt il-maratona, kienu bosta r-residenti ta’ Dar Bjorn li qasmu l-esperjenza tagħhom, fosthom anke żagħżugħ li jaħdem bħala pumpier mal-Protezzjoni Ċivili ta’ pajjiżna. Ġie spejgat ukoll kif matul dawn l-aħħar snin, Dar Bjorn saret centru li tospità numru ta’ persuni sabiex ittihom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Bi Bjorn innifsu jispjega li permezz tal-għajnuna li qed jipprovdi lil persuni li għandhom l-ALS, qed joħloq tifsira għal ħajtu – tifsira li qed tiġi trasferita wkoll lil mijiet ta’ pazjenti u residenti li jgħixu b’kundizzjonijiet newroloġiċi.

Intant, kienu diversi l-persuni li taw is-sehem tagħhom fil-maratona fosthom l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna flimkien ma’ numru ta’ personalitajiet u kantanti Maltin.