Inżammu arrestati l-ħames persuni li ġew akkużati li aggredew żewġ uffiċjali tal-Pulizija fil-Ħamrun.
Dan wara li t-Tnejn filgħodu tressqu l-Qorti…fejn spikka il-biki fl-awla malli inqraw l-akkużi fil-konfront ta’ Kurt Borg ta’ 44 sena residenti Ħal Qormi, Elton Borg ta’ 46 sena residenti l-Imsida, Christian Mansueto ta’ 33 sena residenti s-Siġġiewi u Redimen Aquilina ta’ 23 sena residenti l-Ħamrun, u l-mara ta’ Elton Borg, Erika Borg ta’ 42 sena residenti l-Msida. Huma inżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-ħames persuni waslu l-Qorti, fejn kien hemm folla nies – inkluż persuni mill-familja tagħhom – immanetjati u b’rashom baxxuta.
Il-ħames imputati qed jiġu akkużati li nġemgħu bil-ħsieb li jwettqu att ta’ vjolenza, theddid jew rewwixti li jġibu twerwir, li bi vjolenza jġiegħlu lill-uffiċjali tal-Pulizija jagħmlu att li ma għandux x’taqsam mal-kariga tagħhom, li wettqu offiża u attakkaw lill-istess uffiċjali filwaqt li qiegħdu f’periklu ċar il-ħajja ta’ uffiċjal tal-pulizija.
Huma qed ikunu akkużati wkoll fost l-oħrajn li kisru l-bon ordni u li kkaġunaw ħsara volontarja fuq il-ħwejjeġ ta’ terzi persuni għad-detriment tal-Korp tal-Pulizija.
Il-Qorti pperseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt semgħet kif nhar is-Sibt 21 ta’ Settembru għall-ħabta tat-8pm il-Pulizija tad-distrett ġew mgħajta wara li żewġ Pulizija kienu allegatament involuti f’argument fi Triq il-Kbira l-Ħamrun, fejn inġemgħu madwar 10 persuni oħra.
Bil-Pulizija jkollha tagħmel użu minn taser u anke pepper spray.
Fil-post ġew arrestati Erika Borg, ir-raġel tagħha Elton Borg flimkien ma’ Kurt Borg.
Kien f’dan il-punt li allegatament l-folla nies li kienet tammonta għal madwar 10 persuni, bdew jiġu identifikati. Fejn imbagħad, ġew arrestati Redimen Aquilina u Christian Mansueto fir-residenza tagħhom, mill-uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit wara li ġew identifikati permezz ta’ CCTV cameras li kienu fil-madwar.
Christian Mansueto ġie arrestat għall-ħabta tan-nofsija ta’ filgħodu sbieħ il-Ħadd, bil-Maġistrat tal-Għassa Abigail Critien tiġi infurmata bil-każ għall-ħabta ta’ 12:32am.
Elton Borg, Erica Borg, Kurt Borg, Redimen Aquilinna u Christian Mansueto qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
F’awla li kellha fiha preżenza qawwija ta’ Pulizija, l-avuakti difernsuri talbu l-ħelsien mill-arrest għall-akkużati kollha, b’din it-talba tiġi oggezzjonata mill-prosekuzzjoni minħabba intraċċar ta’ evidenza, fejn skont ix-xhieda li rriżulta fil-Qorti, jidher li s-CCTV cameras tal-istabbiliment tal-familja Borg kienu maqlugħin mill-istabbiliment bir-riżultat li l-Pulizija m’għandhomx aċċess għall-footage.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Elisia Scicluna spjegat li huwa għalhekk li m’għandhomx jingħataw il-ħelsien mill-arrest, dan filwaqt li spjegat li sfat mitlufa wkoll body camera ta’ uffiċjal tal-Pulizija.
Il-prosekuzzjoni spjegat ukoll li l-imputati m’għandhomx jingħataw il-ħelsien mill-arrest għaliex għadhom iridu jidhru xi xhieda, filwaqt li tenniet li minħabba li dan kien każ pubbliku, il-ħelsien mill-arrest hija riskju li jinqala’ kjass fis-soċjetà.
L-avukati difensuri Franco Debono u Chris Mercieca argumentaw li Christian Mansueto qatt ma xellef idu mal-ġustizzja u huwa għalhekk li għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest. Dan filwaqt li argumenta li l-Qorti m’għandix tikkundizzjona ruħha skont dak li joħroġ fil-midja soċjali.
L-Avukat Mario Mifsud argumenta li l-biża’ ta’ intraċċ tal-provi mhux valida, minħabba l-fatt li fiz-zona hemm numru ta’ CCTV cameras. Huwa tenna wkoll li l-klijent tiegħu Redimen Aquilina, kien involut biss meta pprova jferraq il-persuni li kienu involuti fl-argument.
Intant, kien ukoll l-Avukat Matthew Mifsud li qabel mal-argumenti kollha miġjuba mill-Avukati Franco Debono u Mario Mifsud.
Kien l-Avukat Arthur Azzopardi li argumenta li l-klijenta tiegħu ma tistax tintraċċa evidenza għaliex il-filmanti huma f’idejn il-Pulizija u ċari kemm fl-awdjo u anke l-filmat. Huwa għalhekk li ma fadalx aktar evidenza x’tista’ tintraċċa. L-avukat Azzopardi argumenta wkoll li Borg bħala mara tad-dar u anke minħabba l-fatt li għandha minuri ta’ 8 snin, filwaqt li hemm filmati li huma prova weħidhom ma hemmx ħtieġa li tinżamm taħt arrest.
Il-Maġistrat Joseph Gatt spjega li huwa m’għandux informazzjoni dwar dak li kien hemm fil-midja, u li huwa infurmat dwar dak li allegatament seħħ fl-argument mill-akkużi ppreżentati fil-Qorti.
L-avukati li dehru għall-akkużati kienu Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri , Charles Mercieca, Matthew Xuereb, Alex Scerri Herrera, Mario Mifsud u Nicholas Mifsud.
Herman Mula deher parte ċivile għaż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija.
Għall-uffiċju tal-Avukat Ġenerali qed tidher l-Avukat Jennifer Polidano.
Id-dettalji tal-Każ
Erba’ rġiel u mara nżammu arrestati wara li s-Sibt filgħaxija aggredew żewġ Pulizija.
Il-każ seħħ proprju fil-festa tal-Indipendenza għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija, fi Triq il-Kbira, il-Ħamrun, meta sfaw aggrediti żewġ uffiċjali tal-Pulizija wara li l-istess uffiċjali ħarġu taħrika għal karozza li kienet ipparkjata ħażin.
Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Pulizija, jidher li f’dan il-punt ħarġu numru ta’ persuni minn stabbiliment fit-triq prinċipali u bdew jargumentaw mal-uffiċjali. Il-Pulizija taw struzzjonijiet sabiex tinżamm l-ordni pubblika, iżda l-persuni ma obdewx l-ordnijiet.
Kien f’dan il-punt li kkawżaw ġrieħi gravi lill-uffiċjali u għalhekk il-Pulizija kienu kostretti li jagħmlu użu minn taser u anke pepper spray.
//= $special ?>