Internazzjonali

ll-Libanu: Madwar 300 mejtin waqt l-aktar attakki devastanti mill-Iżraeljani fi kważi sena

Iżrael, fl-aħħar sigħat, kompla jintensifika l-attakki fuq il-milizji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu, bil-Gvern ta’ Bejrut isostni li nqatlu talanqas 300 persuna fl-aħħar azzjonijiet militari fuq pajjiżu….Attakki li fihom anki ndarbu ‘il fuq minn 1,000 Lebaniżi – milizji u daqstant ieħor ċivili.

Is-sitwazzjoni tidher li eskalat sal-punt fejn ir-residenti fin-Nofsinar tal-Libanu qed jirċievu l-messaġġi u t-telefonati ta’ twissija mingħand l-Iżraeljani biex huma jitilqu miz-zoni kontrollati mill-Ħeżbollah u li qed jinkwadraw dejjem aktar fil-mira tal-ajruplani tal-gwerra.

Il-Lebaniżi qed ikunu mwissija fuq kollox biex jitilqu mill-villaġġi li qed iservu bħala bażijiet għall-Ħeżbollah kif ukoll bħala depots għall-armamenti u l-munizzjon tal-milizji.

Intant, l-aħħar rapporti referew għal sensiela ta’ evakwazzjonijiet minn diversi bnadi tal-Libanu – bil-familji jgħaġġlu biex jiġbru t-tfal mill-iskejjel ħalli ma jispiċċawx huma wkoll fl-eqqel tal-bumbardamenti.

Il-Gvern Lebaniż, sadanittant, qed ifisser il-messaġġi bħala parti minn ‘gwerra psikoloġika’ li Iżrael qed iwettaq fuq il-poplu kollu tal-Libanu. Dan waqt li l-Ministeru Iżraeljan għad-Difiża insista li pajjiżu se jkompli bl-attakki fuq il-Ħeżbollah sakemm jattwa l-miri militari kollha.

L-akbar priorità ta’ Iżrael hi li r-residenti li kellhom jaħarbu mit-Tramuntana tal-pajjiż jirritornaw lura d-dar ladarba tkun eliminata t-theddida tal-bumbardamenti mill-milizji tal-Ħeżbollah fuq l-ibliet tagħhom mill-milizji tal-Ħeżbollah.

Min-naħa tagħhom, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Istati Uniti qed iwissu li Iżrael u l-Ħeżbollah issa jinsabu f’sitwazzjoni ta’ gwerra fejn, ‘il quddiem, ikun diffiċli għalihom li joħorġu minnha.

Dan meta l-possibbiltajiet ta’ kunflitt totali mifrux madwar il-Lvant Nofsani kollu saru aktar qrib ir-realtà fl-aħħar jiem, bil-Ħeżbollah jaħlef li jpattiha lil Iżrael għas-sensiela tal-azzjonijiet ta’ sabutaġġ tal-aħħar jiem fil-Libanu….Azzjonijiet li fihom mietu u indarbu numru kbir ħafna ta’ milizji u anki ċivili fost l-isplużjonijiet tat-tagħmir għall-komunikazzjoni li spiċċaw manipulati għal dan l-iskop mill-aġenti sigrieti ta’ Iżrael.

Fl-istess ħin, l-attakki diretti mal-fruntiera komuni ta’ Iżrael u l-Libanu wkoll irrankaw fl-aħħar jiem  b’Iżrael qed jippersisti bl-akbar mewġa ta’ attakki fuq il-miri tal-Ħeżbollah mindu l-konflitt ta’ bejniethom beda jirranka fit-8 ta’ Ottubru li għadda.

L-uffiċjali militari f’Iżrael, fl-aħħar sigħat, qalu li l-qawwiet tagħhom irnexxielhom jolqtu ‘il fuq minn 300 sit tal-Ħeżbollah u fejn inqerdu numru ta’ faċilitajiet militari sinifikanti tal-milizji.