Lokali

Neil Agius itemm b’suċċess l-għawma mal-Gżejjer Maltin – jintlaqa’ bħala eroj f’Għar Lapsi

"Din il-kisba mhux għalija, din kisba għal Malta"

Suċċess għall-għawwiem Malti ‘tar-rekords’ Neil Agius li fl-9:40 tat-Tnejn filgħaxija rnexxielu jitla’ l-art f’Għar Lapsi mingħajr ebda għajnuna u b’hekk irnexxielu jikseb rekord dinji ta’ 140km b’għawm mingħajr ebda waqfien – madwar il-Gżejjer Maltin.

Folla enormi kienet qiegħda tistenna lil Neil Agius jagħmel il-wasla tiegħu fuq l-ixtajta wara li għam madwar Malta, Għawdex u Kemmuna – għawma li bdiet is-Sibt waranofsinhar mill-Bajja tal-Għadira fil-Mellieħa.

Fl-ewwel kummenti mal-ġurnalisti preżenti, Neil Agius saħaq li din il-kisba hija waħda għal Malta.

Preżenti kien hemm fost l-oħrajn id-deputat David Agius, Shadow Minister tal-Isport.

Malli tela’ l-art, Agius poġġa bilqiegħda jistrieħ fuq siġġu fost iċ-ċapċip tal-folla preżenti hekk kif kiser ir-rekord personali tiegħu ta’ 125.7km li kiseb lura fl-2021.

Din kienet l-ewwel darba li Neil Agius ipprova jikser ir-rekord personali tiegħu stess wara li diġà ttanta xortih jagħmel dan is-sena l-oħra minn Spanja.

Huwa għamel din l-għawma b’mod partikolari sabiex iqajjem kuxjenza dwar l-istat li jinsab fih il-ħabitat marittimu Malti kif ukoll biex jaspira l-kollettiv biex nieħdu ħsieb il-baħar ta’ madwarna.