Ftit sigħat wara li Neil Agius tela’ lura fuq l-art wara sfida ta’ 60 siegħa ta’ għawm bla waqfien, huwa indirizza lill-poplu Malti u Għawdxi fejn irringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor urew is-sapport tagħhom sabiex ma jaqtax qalbu.
Wara tlett ijiem ta’ għawm, Neil Agius irnexxielu jitla’ l-art minn Għar Lapsi mingħajr ebda għajnuna u b’hekk dan fisser li hu kiseb rekord dinji ta’ 140 kilometru b’għawm mingħajr ebda waqfien. Sfida li saret madwar il-gżejjer Maltin.
L-għawma bdiet is-Sibt waranofsinhar mill-Bajja tal-Għadira, fil-Mellieħa, u fi tmiemha sab folla enormi tistennieh jirritorna lura. Hu kiser ukoll ir-rekord personali tiegħu ta’ 125.7 kilometru li kiseb lura fl-2021.
Huwa għamel din l-għawma b’mod partikolari sabiex iqajjem kuxjenza dwar l-istat li jinsab fih il-ħabitat marittimu Malti kif ukoll biex jaspira l-kollettiv biex nieħdu ħsieb il-baħar ta’ madwarna.
Fil-filmat li tella’ Neil Agius fuq il-profil tiegħu ta’ Instragram, huwa qal li minkejja li din ma kinitx sfida faċli, anke għall-fatt li kien hemm fatturi li kienu kontrih, bħall-maltemp, huwa qal li jinsab f’saħħtu.
Qal li l-iktar li kien affettwat mill-ilma baħar kienu xufftejh u ħalqu hekk kif intefħu u mtela’ b’ulċeri. Bil-lejl għalih ma kienx wisq faċli minħabba l-uġigħ li esperjenza.
Neil qal li mhux se jkun qed jerġa’ jgħum fiż-żmien li ġej sabiex jagħti ċans lil ġismu jirkupra. Madanakollu, qal li din l-isfida kienet biss il-bidu għal esperjenzi oħra.
//= $special ?>