Futbol Sport

Davide Mazzotta maħtur kowċ interim tat-tim nazzjonali Malti

(Ritratt: MFA)

Il-kowċ Taljan Davide Mazzotta ġie maħtur kowċ interim tat-tim nazzjonali Malti tal-irġiel, wara li l-kowċ Michele Marcolini ma baqax jokkupa din il-kariga mit-13 ta’ Settembru 2024.

Din mhijiex l-ewwel esperjenza ta’ Mazzotta fl-istaff tekniku tat-tim nazzjonali Malti hekk kif huwa serva bħala assistent kowċ bejn l-2020 u 2023, dak iż-żmien bħala assistent ta’ Devis Mangia. Mazzotta kien ukoll ħa r-rwol ta’ kowċ fl-okaażjonijiet li Mangia ma kienx ikun disponibbli.

Mazzotta se jmexxi t-tim Malti għall-aħħar erba’ partiti din is-sena. It-tim Malti kiseb tliet punti mill-ewwel żewġ partiti mill-UEFA Nations League Grupp D2, bil-partita li jmiss f’din il-kompetizzjoni tkun kontra l-Moldova fit-13 ta’ Ottubru. Qabel dan il-konfront kruċjali l-Maltin se jilagħbu f’partita ta’ ħbiberija konta t-Turkmenistan fl-10 ta’ Ottubru bħala preparazzjoni.

Il-kowċ ta’ 54 sena stqarr li jinsab onorat li se jkun qiegħed imexxi t-tim Malti għall-aħħar erba’ partiti tas-sena, u kompla jsostni li jinsab kunfidenti li l-esperjenza li għandu u r-relazzjoni li diġa għandu ma’ ħafna mill-plejers se tkun fundamentali biex it-tim Malti jkun jista’ jikseb riżultati pożittivi.

Il-President Bjorn Vassallo kkummenta billi wera l-fiduċja assoluta f’Mazzotta u stqarr li jemmen li huwa kowċ kompetenti u għandu esperjenza kbira fil-logħba tal-futbol.

L-aħħar impjieg li kellu Mazzotta kien bħala koordinatur tekniku ta’ Salernitana 1919 fis-Serie B. Matul il-karriera fl-istaff tekniku huwa serva woll bħala kowċ tat-tim ta’ taħt is-17-il sena ta’ Lecce, u bħala analista ma’ Chelsea bejn l-2017 u 2018.

L-eks plejer internazzjonali Urugwajan, Ernesto Javier Chevanton, se jkun qiegħed jassisti lil Mazzotta f’dawn l-erba’ partiti. Chevanton lagħab ukoll ma’ Monaco, Lecce, Atalanta u Sevilla matul il-karriera tiegħu. Riċentament huwa kien ukoll l-assistent kowċ tat-tim ta’ taħt id-19-il sena ta’ Lecce li rebaħ il-kampjonat Taljan lura fl-2022.

Il-bqija tal-membri tal-istaff tekniku mistennija jibqgħu l-istess.

L-assistent kowċ ta’ Malta Ernesto Javier Chevanton (Ritratt: MFA)