Internazzjonali

Eks Ministru ta’ Singapore jwieġeb ħati għal akkużi ta’ korruzzjoni wara li aċċetta għadd ta’ rigali

L-Eks Ministru tat-Trasport f’Singapore, S. Iswaran, wieġeb ħati tal-akkużi li aċċetta rigali li l-ammont tagħhom ilaħħaq l-eluf ta’ dollari meta hu kien qed iservi fil-Ministeru.

Iswaran ilu jaffaċċja dawn l-akkużi għal xhur sħaħ iżda kien biss issa li dawwar il-verżjoni u għażel li jwieġeb ħati għal ħames akkużi differenti.

Iswaran, li għandu 62 sena, kien irriżenja f’Jannar li għadda wara li hu beda jaffaċċja akkużi li aċċetta mal-400,000 dollaru ta’ Singapore f’rigali, ekwivalenti għal madwar €278,000. Dawn ir-rigali ġew mingħand żewġ negozjaturi, fejn fost l-oħrajn ngħata u aċċetta biljetti għal attivitajiet varji, titjiriet, flixken tal-whiskey u saħansitra rota. Dawn in-negozjaturi għadhom ma tressqux quddiem il-ġustizzja.

Politikanti bħala parti mill-kabinett u ħaddiema tagħhom m’għandhomx jaċċettaw rigali li jiswew iktar minn €35 kemm idumu jservu f’dawn ir-rwoli f’Singapore. Rapporti fil-midja qalu li Iswaran ħallas lill-istat qrib l-ammont li ħa f’rigali, filwaqt li rritorna lura l-affarijiet li huwa rċieva.

Huwa meqjus bħala l-ewwel politikant f’Singapore li affaċċja akkużi ta’ korruzzjoni matul dawn l-aħħar erbgħin sena. Ironikament, Singapore kienet fil-ħames post fil-lista tal-inqas pajjiżi korrotti fl-2023 minn Transparency International.

L-iktar każ riċenti ta’ korruzzjoni jmur lura għall-1986 meta l-Eks Ministru Teh Cheang Wan kien akkużat li aċċetta miljun dollaru ta’ Singapore f’tixħim. Huwa wettaq suwiċidju qabel biss l-investigazzjonijiet kienu konklużi.

U dan meta l-ministri f’Singapore huma meqjusa bħala fost dawk l-iktar politikanti li jitħallsu fid-dinja, bil-pagi tagħhom jibdew minn €32,000 – mezz kif jipprovaw iwarrbu l-korruzzjoni kompletament.