Il-MAM kixfet kemm kienet l-ispiża tal-Gvern fl-ippjanar tal-faċilità psikjatrika akuta u l-outpatients; pjan li kien sar mill-Ministru Chris Fearne u li issa twarrab kompletament.
Dawn il-pjanijiet – li damu jissawru tliet snin – kienu lesti u diskussi b’mod estensiv mal-partijiet kollha u kellhom l-appoġġ, fost l-oħrajn, tat-tobba.
Madanakollu, il-Ministru Jo-Etienne Abela ħassar dawn il-pjanijiet kollha u mingħajr konsultazzjoni xierqa, irid proġett kompletament differenti li jgħaqqad ħames swali tal-psikjatrija. Dan filwaqt li tneħħa l-blokk tal-outpatients – proġett li issa ġie eliminat kompletament.
It-tobba fakkru li d-deċiżjoni li jiġu modifikati l-pjanijiet teħtieġ nefqa ġdida. Dan wara li intefqu għaxar miljun ewro mit-taxxi tal-poplu – apparti dewmien ta’ mill-inqas sentejn oħra sabiex tibda l-kostruzzjoni u bejn sentejn u tliet snin oħra għat-tlestija.
B’kollox l-MAM saħqu li dawn il-pjanijiet ġodda ser jieħdu bejn wieħed u ieħor ħames snin sabiex ikun hemm kollox lest kif jixtieq il-Ministru l-ġdid tas-saħħa.
L-MAM fakkret ukoll fuq is-sitwazzjoni taċ-Ċentru ta’ Raħal Ġdid, fejn fi Frar hemm skedata t-tlestija tal-istess Ċentru. Madanakollu, fakkru kif jistgħu jintilfu aktar minn ħamsin miljun ewro mill-Unjoni Ewropea jekk il-proġett ma jkunx lest sa dik id-data.
Il-MAM qed tappella lill-Ministru JoEttiene Abela biex jagħti prijorità lill-pazjenti u lil dawk kollha li qiegħdin jiġu mċaħħda servizz tas-saħħa kif jixraq. Dan apparti li sostnew li l-Ministru għandu juża l-pjanijiet li huma lesti u jibda bil-bini li tant huwa meħtieġ fiz-zona ta’ Mater Dei.
//= $special ?>