Internazzjonali

IL-LIBANU: 492 mejta wara “l-agħar attakk” mill-Iżrael

Tal-inqas 492 persuna nqatlu waqt attakk intenisiv li Iżrael għamel fuq il-Libanu bil-għan li joqtol iktar membri tal-Hezbollah.

Dan ġie kkonfermat mill-Ministru tas-Saħħa tal-Libanu li qed isejjaħ dan l-attakk bħala l-agħar wieħed f’dawn l-aħħar 20 sena. Huwa mifhum li n-numru ta’ mejta jinkludi 35 tifel u tifla, u 58 mara, bil-Ministeru għas-Saħħa ma jikkonfermax kemm hemm minnhom ċivili.

Dan kollu filwaqt li 1,645 persuna oħra huma midruba.

Eluf ta’ familji ħarbu minn djarhom bil-għan li ma jintlaqtux mill-bombi qattiela tal-Iżraeljani hekk kif dawn ippruvaw jeqirdu l-infrastruttura li l-Hezbollah irnexxielhom jibnu sa mill-2006.

Mexxejja differenti minn madwar id-dinja ilhom ix-xhur jitolbu liż-żewġ naħat ta’ dan il-kunflitt sabiex iżommu lura milli jeskala l-ġlied bil-għan li ma tfaqqax gwerra bejn Iżrael u l-Libanu. Bis-Segretaju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, saħansitra jgħid li jekk il-ġlied se jkompli jeskala, il-Libanu se jispiċċa bħal Gaza.

Il-President Amerikan Joe Biden saħaq li l-Istati Uniti qed tagħmel minn kollox biex dan il-kunflitt ma jkomplix jikber madanakollu bagħtet biss ammont żgħir ta’ truppi addizzjonali fil-Lvant Nofsani.

Il-Hezbollah, minn naħa tagħhom, qed jibqgħu jinisistu li mhux se jieqfu qabel jieqaf kompletament il-ġlied f’Gaza. Dan hekk kif kemm il-Hamas kif ukoll Il-Heżbollah qed igawdu l-appoġġ tal-Iran.