L-ogħla qorti ta’ Malta warrbet talba għar-rekuża tat-tliet imħallfin li qed jippresjeduha fil-kontestazzjoni tal-ordnijiet ta’ ffriżar kontra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u sħabu l-akkużati fil-proċeduri kriminali dwar id-deal frawdolneti ta’ l-isptarijiet tal-gvern li kienu ngħataw lill-Vitals.
Joseph Muscat, flimkien ma’ Konrad Mizzi, Keith Schembri, Clarence John Coger Thompson, Christopher Spiteri, Jonathan Vella, David Joseph Meli, Ivan Vassallo, Mario Victor Gatt, Brian Bondin, Adrian Hillman, Pierre Sladden, Brian Tonna, Karl Cini, Sciacca Grill Limited , Kasco Engineering Company Limited, FSV Limited, MTrace plc, Gateway Solutions Limited, Technoline Limited, Eurybates Limited, Taomac Limited, Nexia BT Limited kienu ressqu rikors fil-qorti f’Awwissu.
Huma kienu talbu li kopja tal-fajl tal-każ mill-proċedimenti kriminali – mhux kontrihom, iżda kontra t-tieni set ta’ akkużati mħarrka dwar il-ftehim frawdolenti tal-isptarijiet jiġu esebiti fl-atti tal-kawża kostituzzjonali li kienu ppreżentaw biex jattakkaw iż-żmien qasir li jipprovdi l-liġi biex wieħed iressaq appell fuq ordnijiet ta’ ffriżar.
Meta l-qorti ċaħdet dik it-talba, l-appellanti kienu talbu flimkien għar-rekuża tat-tliet imħallfin li jippresjedu l-Qorti Kostituzzjonali: il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul.
L-akkużati kienu rrimarkaw għall-fatt li l-istess imħallfin kienu, fil-kawża ċivili mressqa minn Adrian Delia, kienu xoljew il-kuntratt ta’ konċessjoni tal-isptarijiet fuq bażi ta’ kollużjoni u frodi, u sostnew li dan jirriżulta fi ksur tad-dritt tagħhom li smigħ ġust, li jiċċita l-artikolu 734(d)(i) tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, li jippermetti li tintalab ir-rekuża meta l-imħallef ikun diġà “ta parir, għamel sottomissjonijiet quddiem il-qorti jew kiteb dwar il-każ, jew dwar xi ħaġa relatata mal-każ jew li tiddependi minnu.”
“Il-kwistjoni lssa hija dwar nuqqas li l-appellanti qed jallegaw fl-Att dwar il-Proċedimenti tal-Kriminalità fejn jidħol l-ordni ta’ Qbid u Iffriżar kontrihom, u dan fir-rigward tad-dritt fundamentali tagħhom għal smigħ ġust u pussess paċifika tal-proprjetà. Kwistjoni li ma kinitx il-merti tal-każ imressaq minn Adrian Delia.”
Ir-referenza għas-sentenza li l-appellanti jsostnu li kienet saret fl-inkjesta maġisterjali dwar il-ftehim tal-isptarijiet, ma taffetwax l-imparzjalità tal-imħallfin, tgħid is-sentenza, u żiedet li “fi kwalunkwe każ il-qorti ma kienet għamlet l-ebda sentenza dwar il- appellanti fil-kapaċitajiet personali tagħhom. Din il-qorti mhix se tagħti sentenza fuq il-merti tal-akkużi li qed jaffaċċjaw l-appellanti fil-proċeduri kriminali kontrihom. Dik hija l-kompetenza tal-qrati ta’ ġurisdizzjoni kriminali.”
“L-unika ħaġa li ntqal fid-digriet tat-2 ta’ Settembru kienet li r-riżultat tal-appell ma kienx jiddependi minn dak li seta’ ġara fi proċeduri kriminali oħra li għalihom l-appellanti mhumiex partijiet,” tgħid is-sentenza. Wara li eżaminat l-argumenti li saru mill-appellanti l-qorti qalet li kienet tal-opinjoni li ma kien hemm “l-ebda raġuni leġittima li tista’ twassal għal ġustifikazzjoni oġġettiva li l-imħallfin mhumiex imparzjali fil-kwistjoni li qed tiġi eżaminata fl-appell.”
It-talba għar-rikuża għalhekk ġiet miċħuda bil-qorti tordna wkoll li l-ispejjeż relatati jitħallsu kollha mill-appellanti.
//= $special ?>