L-ammont ta’ segwaċi tar-rapper Amerikan, Sean “Diddy” Combs żdiedu b’iktar minn 18% fil-ġimgħa li huwa ġie arrestat u qed jaffaċċja akkużi serjissimi.
Combs, magħruf aħjar mal-fans tiegħu bħala Puff Diddy, P Diddy, jew sempliċiment Diddy, kien ġie arrestat il-ġimgħa l-oħra f’lukanda f’Manhattan fuq akkużi ta’ traffikar ta’ persuni għal skopijiet sesswali.
Avukati tiegħu kienu talbu lill-maġistrat sabiex huwa jistenna li jibda l-proċess kriminali kontrih f’daru fi Florida. Iżda, din it-talba ġiet rifjutata darbtejn b’riżultat li issa ilu fuq ġimgħa arrestat f’ċella f’Brooklyn.
Huwa qed jaffaċċja akkużi li sawwat u abbuża fiżikament u sesswalment lil għadd ta’ nisa għal dawn l-aħħar 10 snin.
Fost l-akkużi, qed jingħadd li Combs kien jagħti d-droga lill-vittmi tiegħu u prostituti rġiel filwaqt li jġiegħelhom ikollhom x’jaqsmu flimkien. Xi ħaġa li ġieli saħansitra kienet iddum għaddejja l-jiem sħaħ, filwaqt li Combs kien ikun preżenti waqt dan kollu biex juża dawn il-każijiet għall-gwadan personali.
Bil-vittmi jkollhom anke jieħdu kura medika wara li jinħelsu filwaqt li jiġu mhedda kontinwament biex jasal fejn irid hu permezz ta’ filmati li kien jiġbed hu stess flimkien ma’ ħaddiema tiegħu waqt li jgħid lill-vittmi x’għandhom jagħmlu.
Combs qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih.
//= $special ?>