Joseph Cuschieri, li Robert Abela appuntah bhala kap ta’ Project Green, instab ħati mit-Tribunal Industrijali li meta kien CEO tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) wettaq inġustizzja ma’ ħaddiem, fejn kissirlu karriera. Cuschieri, li jgawdi minn paga ta’ iktar minn €86,000, instab ħati li kkawża tbatija lil dan l-impjegat u lill-familja tiegħu b’mod illegali u inġust.
Fi stqarrija, Jerome Caruana Cilia, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża, u Graham Bencini, ix-Shadow Minister għall-Finanzi, qalu li f’deċiżjoni bi kliem iebes ħafna, it-Tribunal Industrijali kkundanna l-mod illegali li bih mexa Joseph Cuschieri fil-konfront ta’ dan l-impjegat. It-Tribunal ikkonkluda li l-impjegat ġie mkeċċi minn xogħlu ħabta u sabta għax kien qed jagħmel xogħlu kif suppost u ma kienx qed jippermetti lil Joseph Cuschieri milli jikser ir-regoli u liġijiet.
Sabiex issir ġustizzja, it-Tribunal ordna li l-MFSA tħallas is-somma ta’ €413,688 bħala kumpens tal-introjtu li tilef l-impjegat matul is-snin li fihom dam jistenna din id-deċiżjoni u bħala danni morali. Ġie wkoll deċiż li l-impjegat li sofra din l-inġustizzja, jirritorna għax-xogħol li kellu fi ħdan l-MFSA.
Wara din id-deċiżjoni li damet ħames snin biex ingħatat, il-pożizzjoni ta’ Joseph Cuschieri bħala CEO ta’ Project Green ma għadhiex tenibbli. Il-Ministru Miriam Dalli għandha immedjatament tneħħi lil Cuschieri u fin-nuqqas ta’ dan, il-Prim Ministru Robert Abela għandu jkeċċih hu.
Ix-Shadow Ministers qalu li ma jistax ikun li uffiċjal għoli fi ħdan il-Gvern jibqa’ jokkupa pożizzjoni bħal din. Jekk ma jitneħħiex, Robert Abela jkun qiegħed ikompli jkabbar il-kultura ta’ xejn mhu xejn fil-pajjiż. Ikun qed jippremja lil min jagħmel il-ħażen u jikser il-liġi u jfarrak lin-nies.
L-MFSA għandha minnufih tieħu l-passi legali meħtieġa sabiex id-danni li ġustament għandhom jitħallsu lill-impjegat, ma jitħallsux mit-taxxi tal-poplu, imma jitħallsu minn min wettaq din l-illegalità b’mod lampanti u sfaċċat. Il-Bord tal-Gvernaturi tal-MFSA kif ukoll l-Executive Committee ma jistgħux jibqgħu siekta quddiem inġustizzja bħal din. Ir-reputazzjoni ta’ Malta fis-settur finanzjarju ħadet daqqiet kbar u ma tiflaħx għal iktar skandli. L-interess ewlieni ta’ min imexxi l-MFSA għandu jkun l-interess tal-poplu u mhux ta’ ħabib tal-Prim Ministru u ċ-Chief of Staff tiegħu.
//= $special ?>