Edizzjoni oħra tal-wirja rottArti b’esebizzjoni ta’ 77 biċċa ta’ arti b’temi varji fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista – bl-iktar arti li laqtet l-għajnejn kienet dik tal-artist Ġorġ Mallia fejn qed ikun esebit ritratt diġitali ta’ Karl Gouder.
Fil-fatt, din il-wirja qed tkun iddedikata għall-memorja ta’ Karl Gouder li tant ħadem sena wara sena sabiex din il-wirja tkun waħda ta’ suċċess filwaqt li tagħti spazju lill-artisti lokali.
Din is-sena d-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista qed tilqa’ diversi artisti ta’ etajiet varji u xogħlijiet imprezzabbli ta’ medja differenti, fosthom l-iskultura, il-pittura, il-fotografija kif ukoll l-arti diġitali, li ġiet introdotta f’din l-esebizzjoni għall-ewwel darba din is-sena. L-għan ta’ din id-deċiżjoni kienet sabiex din l-esebizzjoni toħloq diversità u inklużjoni, fejn l-artist ikollu l-opportunità li jesebixxi x-xogħol tiegħu – pjattaforma li se tkun qed tiċċelebra t-talent lokali u dak kollu li jagħmilna Maltin.
It-Tnejn kien il-jum tal-ftuħ ta’ din il-wirja kkordinata mis-Segretarju Eżekuttiv Organizzativ tal-Partit Nazzjonalista, Stefan Caruana, flimkien ma’ għadd ta’ voluntieri.
Is-serata ngħatat bidu b’diskors mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, imżewqa b’atmosfera mill-isbaħ ta’ mużika, diskorsi, poeżija u tislima lil Karl Gouder.
Francina Abela mexxiet il-kunċert qasir b’mużika melodjuża akkumpanjata mid-daqq tal-pjanu tal-mużiċista Ramona Zammit Formosa, kif ukoll il-qari tal-poeżija minn Yvonne Galea.
Kull arti għandha takkumpanjaha d-dettalji tal-artist, l-isem tax-xogħol u l-materjal li ntuża, bl-artisti li jixtiequ jbigħu x-xogħol tagħhom, se jkollhom il-prezz imniżżel.
Apparti minn hekk qed jitqassam ktejjeb li fih jinkludi ritratt ta’ kull artist, b’awtobijografija qasira, kif ukoll ritratt ta’ kull biċċa tal-arti li se jkunu qegħdin jesebixxu. Matul il-ġranet li fiha se tkun miftuħa l-esebizzjoni, xi wħud mill-artisti se jkunu preżenti.
Preżenti għal din il-wirja kien hemm fost l-oħrajn il-Viċi Kap tal-PN, Alex Perici Calascione, flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino.
Il-wirja ta’ arti kollettiva fid-Dar Ċentrali fetħet għall-pubbliku fl-24 ta’ Settembru u se tibqa’ miftuħa sas-6 ta’ Ottubru, mit-Tnejn sal-Ġimgħa mill-4 pm sas-7 pm, is-Sibt u l-Ħadd mid-9 am sa 12 pm, u fl-aħħar ġurnata tagħmel ġurnata miftuħa mid-9 am sas-7 pm.
Intant, il-Partit Nazzjonalista ħabbar żewġ inizjattivi ġodda sabiex jagħti spazju ikbar lill-artisti. Id-Dar Ċentrali se tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha beraħ għall-artisti hekk kif se tkun qed toffri spazju sabiex l-artisti interessati jużaw dan l-ispazju biex jesebixxu l-arti tagħhom.
Dan filwaqt li l-Partit se jkun qed jgħaqqad orkestra ġdida sabiex il-mużiċisti lokali jkollhom spazju biex jittella’ spettaklu f’attivitajiet li jkollu l-Partit.
Għal iktar informazzjoni dwar dawn l-inizjattivi żur din il-paġna.
//= $special ?>