L-OPINJONI
Fil-logħba prinċipali ta’ tmiem il-ġimgħa draw ta’ 1-1 bejn Floriana u Hibernians. Draw li bih Floriana issa jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika b’disa’ punti, filwaqt li l-Pawlisti b’punt anqas minnhom fis-sitt pożizzjon’i. Iż-żewġ naħat kienu kawti ħafna fil-bidu tal-partita biex fl-ewwel taqsima ftit kienu ċ-ċansijiet fuq il-lasti rispettivi. Iżda kienu l-Greens li bdew it-tieni taqsima bil-kbir hekk kif wara biss ħames minuti reġa’ sab ix-xibka l-attakkant tagħhom Franklin Sasere b’gowl li żgur ser ikun wieħed mill-kontendenti għar-rebħ tal-isbaħ gowl tal-istaġun. Ir-risposta ta’ Hibernians kienet aktar saħħa fl-attakk fejn Nisevic daħħal lil Degabriele u Bastianos fejn din il-mossa ħadmet bil-Pawlisti jiksbu l-gowl tad-draw disa’ minuti minn tmiem il-partita.
Il-goalkeeper ta’ Floriana Christoffer Henri Mafoumbi jogħla għall-ballun (Ritratt: Trevor Sollars)
Ikompli l-mument diffiċli ta’ Ħamrun Spartans fejn wara t-telfa tal-ġimgħa li għaddiet kontra Mosta, fi tmiem il-ġimgħa huma sfaw miżmuma draw minn Balzan. Kienet logħba oħra diżappuntanti għall-Ispartans li setgħu faċilment għalqu l-partita wara li ddominaw l-ewwel taqsima fejn fallew diversi ċansijiet ta’ skor. Fil-fatt huma ħadu vantaġġ meritat għaxar minuti minn tmiem l-ewwel ħamsa u erbgħin minuta iżda fit-tieni perjodu taw iċ-ċans lill-avversarji Balzan jidħlu fil-partita fejn dawn tal-aħħar kisbu d-draw minn penalty ta’ Akpan. Jidher li hemm xi ħaġa mhux qed tiffunzjona sew fit-tim Ħamruniż u jrid jorganizzaw ruħhom aktar. Għax anki wara li kisbu l-gowl tad-draw Balzan deher l-aktar tim li seta’ jirbaħ il-logħba.
L-attakkant internazzjonali Malti Luke Montebello bil-pussess tal-ballun (Ritratt: Joseph Galea)
Gżira United salvaw punt fl-aħħar mumenti tal-logħba, dan wara li spiċċaw fi draw ta’ 2-2 kontra Sliema Wanderers. B’dan id-draw, il-Blues tilfu ċ-ċans li jżommu l-ewwel post tal-klassifika flimkien ma’ Birkirkara. Wara li fl-ewwel parti tal-logħba qasmu l-logħob, fl-ewwel taqsima kienu d-difiżi rispettivi li ddominaw fuq l-attakkanti. Sliema dejjem kienu fil-vantaġġ fejn wara li sabu x-xibka qabel għalqet it-taqsima, bi Gżira jirrispondu u l-Wanderers jerġgħu jmorru minn fuq. L-aħħar kelma kienet tal-Maroons li lejn it-tmiem kisbu d-draw biex salvaw il-partita. Dan kien l-ewwel draw għalihom wara tliet rebħiet u telfa biex issa jinsabu fit-tielet post tal-klassifika.
It-tim ta’ Sliema Wanderers jiċċelebraw gowl ta’ Vito Plut kontra Gżira United (Ritratt: Joseph Galea)
Birkirkara rreġistraw ir-raba’ rebħa konsekuttiva wara li huma għelbu lil Melita bl-iskor ta’ 3-0. L-Istripes daħlu għal din il-logħba mimlijin entużjażmu wara draw fl-ewwel logħba kontra Balzan u tliet rebħiet konsekuttivi. Konxji mill-fatt ukoll li rebħa kienet ser tpoġġihom fl-ewwel post tal-klassifika. Minkejja r-rebħa bi skor konvinċenti, ir-rebħa ma’kenetx faċli fejn Melita għal darb’oħra offrew sfida denja. Iżda Maxuell Maia reġa’ kien l-eroj tal-Istripes li skorja żewġ gowls oħra, it-tnejn li huma minn penalty biex issa jinsab fl-ewwel post tal-klassifika tal-aqwa skorers b’seba’ gowls. It-tim immexxi minn Clive Mizzi b’hekk sofra t-tieni telfa konsekuttiva iżda għandhom iħarsu b’ottimiżmu lejn aktar riżultati pożittivi.
Pablo Leonel Gaitan ta’ Birkirkara jaqbeż lil Jesus Morletz ta’ Melita (Ritratt: Catriel Farrugia)
Mosta kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva wara li huma għelbu lit-tim tal-qiegħ, Marsaxlokk, bl-iskor ta’ 4-2. Mill-banda l-oħra jkompli l-mument diffiċli għax-Xlukkajri li jibqgħu f’qiegħ il-klassifika fejn minn ħames logħbiet ma’ kisbu ebda punt. Il-logħba li pproduċiet sitt gowls splodiet wara tmien minuti bil-gowl tal-vantaġġ Mosti. Minn hemm ‘il quddiem, assistejna għal logħba miftuħa fejn it-timijiet bdew ikunu avventurużi iżda finalment kienu Mosta li ħarġu fuq in-naħa rebbieħa u kisbu t-tliet punti. B’din ir-rebħa Mosta issa jinsabu f’nofs il-klassifika fejn wara bidu diffiċli bi tliet telfiet konsekuttivi, irkupraw b’dawn iż-żewġ rebħiet.
Dwell bejn Lassana Coulibaly ta’ Mosta u Alex De Aguir Gomes ta’ Marsaxlokk (Ritratt: Catriel Farrugia)
F’logħba intensa u eċċitanti, Żabbar St Patrick u Naxxar Lions ħadu punt kull wieħed wara li qasmu sitt gowls bejniethom. Dan kien it-tielet draw għaż-żewġ timijiet dan l-istaġun fejn minkejja li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika, il-wirja li kellhom tkompli timlihom bil-kuraġġ għal-logħbiet aktar importanti. Bil-logħba tieħu diversi żvolti matul id-disgħin minuta, Żabbar St Patrick bdew jemmnu li ser jieħdu t-tieni rebħa tal-istaġun u b’hekk ikunu f’pożizzjoni ferm aktar komda. Iżda l-Lions baqgħu jemmnu biex eżattament mad-disgħin minuta huma ngħataw penalty li minnu għamlu l-iskor finali 3-3. Riżultat li meta tanalizzah, kollox jidher li kien l-aktar wieħed ġust.
INNUTAJNA
LI l-player ta’ 19-il sena Sean Gatt skorja wieħed mill-gowls ta’ Zabbar SP fid-draw ta’ 3-3 kontra Naxxar Lions. Dan kien l-ewwel gowl ta’ Gatt fl-ogħla diviżjoni tal-futbol lokali. Il-fatt li qed jingħata spażju lil numru ta’ players żgħażagħ minn diversi timijiet jawgura tajjeb għall-futur tal-futbol lokali.
LI t-tim nazzjonali Malti għandu programmat logħba ta’ ħbiberija kontra t-Turkmenistan fejn dan ser ikun l-ewwel konfront kontra dan il-pajjiż miċ-Ċentru tal-Asja.
LI minkejja li s-suq tat-trasferimenti jinsab magħluq, xorta hemm numru ta’ timijiet li jinsabu attivi jfittxu players li huma bla kuntratt, dan sabiex ikomplu jsaħħu pożizzjonijiet li qed ikunu problematiċi wara l-ewwel ħames logħbiet mill-kampjonat.
//= $special ?>