Il-politiċi Franċiżi tal-lemin qed jinsistu mill-ġdid biex il-pajjiż jadotta liġijiet aktar iebsin rigward l-immigrazzjoni. Dan wara l-qtil ta’ studenta Franċiża ta’ 19-il sena li spiċċat vittma ta’ aggressur li suppost kellu jitkeċċa mill-pajjiż skont direttiva uffiċjali – direttiva li baqgħet mhux implimentata b’konsegwenzi traġiċi.
Il-qtil tat-tfajla seħħ f’Pariġi, bil-katavru tagħha jinstab nofsu midfun fil-park ta’ Bois de Boulogne, fil-Punent ta’ Pariġi.
Il-qtil, fi tmiem il-ġimgħa l-oħra, jidher li seħħ ftit wara li hi kienet telqet mill-kampus tal-università ta’ Paris-Dauphine fejn hi kienet qed tistudja l-ekonomija. Il-qattiel suspettat, intant, instab u nżamm taħt arrest f’Ġinevra, fl-Iżvizzera, u fost stennija li jkun iddeporat lura lejn Franza.
Is-suspettat hu raġel Marokkin li dan ix-xahar inħeles mill-ħabs fi Franza wara li skonta ħames snin b’konnessjoni mal-istupru ta’ studenta li kien seħħ fl-2019.
Il-każ hu anki prova partikulari għall-Ministru Franċiż ġdid għall-Intern, Bruno Retailleau, li wiegħed biex jistabbilixxi l-ordna fi Franza ‘akkost ta’ kollox’.
//= $special ?>