Bi Gvern Nazzjonalista pajjiżna jerġa’ jkollu żvilupp sostenibbli ta’ kwalità u dejjem skont il-liġi. Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen li s-settur tal-kostruzzjoni hu pilastru tal-ekonomija. Hu għalhekk li jeħtieġ li dan jibqa’ jagħti l-kontribut tiegħu filwaqt li jkunu assigurati standards ogħla fl-ambjent, biex b’hekk ikun garantit żvilupp li verament isaħħaħ lill-pajjiż.
F’laqgħa li kellha delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA) bi tħejjija għall-Budget 2025, kien hemm qbil li l-infrastruttura hija indispensabbli għat-tkabbir ekonomiku iżda li din trid issir bi ħsieb u bi ppjanar.
Kien hemm qbil ukoll li pajjiżna għandu bżonn qabża fil-kwalità fuq ħafna binarji, bl-assoċjazzjoni tgħid li qed taħdem f’din id-direzzjoni.
L-MDA irrikonoxxiet it-track record impekkabbli ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti li qatt ma beżgħu mill-progress. Min-naħa l-oħra qalet li ma jistax ikun li nibqgħu ngħixu f’pajjiż fejn nafu meta jibda proġett, imma ma nafux meta se jispiċċa.
L-Assoċjazzjoni spjegat ukoll li dawk kollha fil-qasam qed ibatu mill-ħafna burokrazija żejda fid-dipartimenti u l-awtoritajiet li kemm-il darba ma jaħdmux flimkien a skapitu tan-negozjant jew l-iżviluppatur.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-ħsara li saret lis-settur tal-kostruzzjoni u l-iżvilupp hija tort ta’ gvern bla viżjoni li issa qed jipprova jitfa’ t-tort fuq l-iżviluppaturi stess.
Gvern Nazzjonalista lesti li jingħaqad mal-iżviluppaturi u l-investituri biex dawn ikunu jistgħu jaħdmu b’mod ġust filwaqt li jkun protett l-ambjent tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Gvern Nazzjonalista se jkun qed jiżgura li l-industrija tal-iżvilupp tkun waħda li tkompli taħdem b’mod responsabbli u b’rispett lejn il-komunità u l-ambjent, b’mod li l-poplu Malti u Għawdxi jkun jista’ jgawdi minn kwalità ta’ ħajja aħjar.
“Irridu naħdmu mal-MDA, flimkien ma’ NGOs oħrajn, biex dan kollu jkun possibbli,” temm jgħid Bernard Grech.
Jakkumpanjaw lill-Kap tal-PN għal din il-laqgħa kien hemm ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit; ix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia u x-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo.
//= $special ?>