Internazzjonali

Iċ-Ċina twettaq prova ta’ ICBM fost it-tħassib tal-Istati ġirien

Iċ-Ċina, fl-aħħar sigħat, wettqet prova ta’ missila ballistika interkontinentali – jew kif inhi magħrufa ICBM. Prova li saret fl-Oċean Paċifiku, fejn qed jingħad li din il-missila kellha warhead finta għal dan l-eżerċizzju.

Il-missila niżlet f’zona ta’ baħar li kienet maħsubha minn qabel.

Diversi osservaturi fl-Asja u l-Punent jemmnu li l-prova tirrifletti mossa ta’ intimidazzjoni min-naħa tal-Gvern komunista f’Beijing.

Il-Ministeru tad-Difiża Ċiniż qal li l-prova kienet parti mit-taħriġ annwali tal-militar taċ-Ċina. Iżda waqt li Bejing tenna li kien informa minn qabel lill-pajjiżi ġirien dwar din il-prova, il-Ġappun qed jagħmilha ċara li fl-ebda ħin ma rċieva xi notifika.

Din  hi l-ewwel darba mill-1980 li ċ-Ċina sparat ICBM bi prova lejn l-ibħra internazzjonali.

Fl-istess ħin, l-esperti qed jikkontestaw l-istqarrija taċ-Ċina li din il-prova setgħet saret bħala parti minn eżercizzju ta’ rutina peress li l-militar ta’ Beijing ftit li xejn jirrikorri għal eżerċizzji fuq dan il-livell … u b’missila li kapaċi ġġorr warhead nukleari.

Meta ċ-Ċina kienet wettqet il-prova fis-sena 1980, l-ICBM kien niżel direttament fl-Oċean Paċifiku – prova li involviet madwar 20 bastiment tal-gwerra taċ-Ċiniżi u li għadha kunsidrata sal-lum fost l-akbar missjonijiet navali min-naħa taċ-Ċina.