Lokali

“Il-Gvern iħalli lill-poplu fid-dlam dwar l-infiq fl-enerġija” – PN

Il-Gvern tal-blackouts ma jridx jgħid kif qed jonfoq flus il-poplu; dak li jaħbi Gvern Laburista se jikxfu Gvern Nazzjonalista.

Hekk saħaq Ryan Callus, ix-Shadow Minister għall-Enerġija, fejn qal kif il-Maltin għandhom kull dritt ikunu jafu kif Gvern Laburista qed iberbaq flushom fil-qasam tal-enerġija, aktar u aktar meta anke f’dan il-qasam tispikka l-inkompetenza fit-tmexxija. Il-ħabi f’dan is-settur hu sinonimu mal-istil li jħaddan il-Partit Laburista f’ħafna oqsma.

Il-kuntratt biex il-Gvern jikri l-generators ħalli jipprova jtaffi l-kriżi fl-enerġija li ġab fuqna l-istess Gvern sforz in-nuqqas totali ta’ ppjanar, sewa lil pajjizna €37 miljun.

Issa l-Gvern qed jirrifjuta talba li saritlu mit-Times of Malta taħt l-Att Dwar il-Libertà tal-Informazzjoni biex jispjega din in-nefqa. Il-Gvern wieġeb li hija biċċa xogħol wisq biex joqgħod jispjega d-dettalji tal-kuntratt.

Ryan Callus qal li l-Gvern tal-blackouts jibqa’ jżommna fid-dlam u jaħbi dak li għandu dritt ikun jaf il-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq mal-Gvern biex jieqaf jaħbi kif qed jonfoq il-miljuni u fl-aħħar sigħat l-Oppożizzjoni ressqet Mistoqsija Parlamentari biex dawn il-kuntratti u d-dokumenti relatati jiġu ppubblikati.

Fin-nuqqas ta’ dan, dak li jaħbi Gvern Laburista jikxfu Gvern Nazzjonalista meta jasal il-mument.