Internazzjonali

Il-Libanu: L-attakki estensivi tal-Iżraeljani fuq il-Ħeżbollah jistgħu huma preludju għal ‘invażjoni’

L-aħħar attakki tal-qawwiet Iżraeljani fuq il-Libanu qed jissemmew bħala l-preludju għall-invażjoni potenzjali ta’ dan il-pajjiż mit-truppi tal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu.

Dan qalu l-Kap tal-Armata Iżraeljana, Herzi Halevi, fost il-konferma li aktar minn 90,000 – min-nhar it-Tnejn ‘il hawn – spiċċaw kostretti li jgħixu bħal refuġjati fil-Libanu. Dan waqt li l-qawwiet Iżraeljani qed iwettqu aktar attakki estensivi fuq il-milizji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu, li, min-naħa tagħhom, qed jirritaljaw bil-missili għal fuq l-ibliet ta’ Iżrael.

Fil-fatt, il-konflitt kompla jirranka minn tmiem il-ġimgħa, bil-qawwiet ta’ Iżrael jikkonfermaw li attakkaw liz-zona ta’ Beqaa fejn mifhum li hemm diversi stakkamenti ta’ ġellieda elit tal-Ħeżbollah.

Intant, il-Ministeru tas-Saħħa Lebaniż qal li nqatlu tal-anqas 50 fl-attakki mill-ajru tal-lum fuq pajjiżu.

Fl-istess ħin, il-Ħeżbollah qed jirreaġġixxu għall-offensiva ġdida tal-Iżraeljani u meta, issa, jidher li huma organizzaw ruħhom sew għall-possibbiltà ta’ gwerra fit-tul.

Fil-fatt, l-awtoritajiet f’Iżrael qalu li rnexxielhom jinterċettaw missila ballistika li l-milizji tal-Ħeżbollah kienu sparaw lejn il-belt ewlenija ta’ Tel Aviv. Din hi l-ewwel darba li l-milizji mmiraw missila ‘ta’ ċertu kalibru’ lejn l-akbar belt ta’ Iżrael u li fost oħrajn tindika l-qawwa tal-kapaċitajiet militari tal-grupp li qed jingħata l-għajnuna mingħand l-Iran.

It-tmexxija tal-Ħeżbollah, fl-aħħar sigħat, irrepetiet li qed tirreżisti għall-‘aggressjoni ta’ Iżrael’ u li se tkompli taġixxi b’dan il-mod b’solidarjetà mal-Palestinjani f’Gaza.

Minn naħa tiegħu, il-Gvern Iżraeljan qal li kapaċi jiġġieled gwerra fuq diversi fronti u meta jinsab determinat biex jelimina t-theddida ‘doppja’ tal-Ħeżbollah u l-Ħamas għall-poplu tiegħu,

Fl-istess ħin, il-Gvern tal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu jrid li, akkost ta’ kollox, jirritornaw lura d-dar l-Iżraeljani li kellhom jaħarbu mill-ibnadi ta’ Iżrael viċin tal-Libanu u li spiċċaw kontinwament  mira għar-rokits tal-Ħeżbollah.

Twissijiet urġenti lill-barranin fil-Libanu

Sadanittant, qed jiżdied sew il-periklu għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħrajn fil-Libanu, b’diversi pajjiżi, fosthom ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja qed isegwu l-iżviluppi b’ansjetà kbira.

Dan waqt li l-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, ħareġ twissija biex iċ-ċittadini Britanniċi fil-Libanu jitilqu minnufih minn dan il-pajjiż.  U minbarra t-tliet pajjiżi msemmija, l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Ġappun ukoll qed iħeġġu biex iċ-ċittadini tagħhom jitilqu mill-artijiet Lebaniżi biex ma jispiċċawx huma wkoll fl-eqqel ta’ gwerra.

Iżda hu minnu wkoll li l-parti kbira tat-titjriet lejn u minn Bejrut, fl-aħħar sigħat, spiċċaw ikkanċellati wara li l-linji tal-ajru internazzjonali ssospendew is-servizzi tagħhom lejn il-kapitali Lebaniża.