Sport

Ir-Rumanija tirbaħ lit-tim nazzjonali Malti tal-futsal

Ritratt: Joe Borg

It-tim nazzjonali Malti tal-futsal tilef kontra r-Rumanija bl-iskor ta’ 2-1 fl-ewwel minn żewġ partiti internazzjonali ta’ ħbiberija li qed jintlagħbu fil-Padiljun tal-Università, f’Tal-Qroqq.

Dawn il-partiti għandhom iservu ta’ preparazzjoni għal-logħob ta’ kwalifikazzjoni għall-kampjonat Ewropew tal-futsal fejn Malta se tkun impenjata bejn Diċembru u April li ġej fejn se tilgħab kontra l-Italja, il-Finlandja u l-Belarus.

Ir-Rumanija, li jinsabu fl-24 post tar-ranking tal-FIFA, marru minn fuq tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Dudau Vlad li ħa vantaġġ minn indeċiżjoni difensiva.

Malta ġabu l-iskor indaqs ftit tas-sekondi wara meta kien is-sostitut Collin Sammut li għeleb lill-goalkeeper Petrisor Tonita.

Wara li l-ewwel taqsima għalqet fi draw ta’ 1-1, fit-tieni taqsima l-Maltin naqqsu r-ritmu u kien hawn li r-Rumanija marru fil-vantaġġ wara ħarba ta’ Sergiu Gavrila li b’xutt b’saħħtu għeleb lil Clint Mifsud.

Malta tilgħab it-tieni partita ta’ ħbiberija kontra l-istess Rumanija.