Madwar 17,000 student u iktar minn 3,000 edukatur bdew is-sena skolastika f’waħda mill-iskejjel tal-Knisja fil-livelli tal-kindergarten, il-primarja, is-sekondarja u s-sitt sena post-sekondarja.
Din hi l-ewwel esperjenza fi skola tal-Knisja għal madwar 120 edukatur. Bħala parti mill-proċess ta’ tħejjija, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika mexxa laqgħat għal dawn l-edukaturi, b’enfasi fuq kif edukazzjoni ta’ kwalità u r-rispett lejn id-dinjità ta’ kull bniedem jistgħu jgħinu biex itejbu ħolistikament il-ħajja tal-istudenti u ta’ kull membru fil-komunità tal-iskola. L-edukaturi kienu mfakkra li, bil-preżenza u x-xogħol tagħhom fl-iskola, huma xhieda tal-valuri u l-etos Nisrani.
Fost il-preparamenti li saru għall-bidu ta’ sena skolastika ġdida, matul ix-xhur tas-sajf fl-iskejjel tal-Knisja baqgħu għaddejjin bix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ biex jitjieb l-ambjent skolastiku. L-edukaturi wkoll baqgħu għaddejjin b’ħidmiethom, b’xi wħud irċivew taħriġ dwar metodi ġodda ta’ tagħlim għall-ġid tal-istudenti.
Matul is-sajf, ħidmet is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika ma qatgħet xejn hekk kif saru l-aġġustamenti fis-salarji tal-edukaturi fl-iskejjel tal-Knisja skont il-ftehim kollettiv il-ġdid li ġie ffirmat ftit ilu. Filwaqt li t-taħditiet bejn l-Awtoritajiet tal-Knisja u l-MUT għadhom għaddejjin, bi qbil bejn il-partijiet kollha, l-edukaturi se jkunu qed jirċievu l-arretrati mal-paga ta’ Diċembru li ġej. Minn Jannar 2025, l-edukaturi fl-iskejjel tal-Knisja se jibdew jirċievu s-salarji mtejba, aġġustati skont dan il-ftehim ġdid.
Madwar 2,000 student ġdid se jibdew f’waħda mill-55 skola tal-Knisja f’Malta u Għawdex. B’kollox kien hemm aktar minn 4,000 applikazzjoni ta’ student li xtaqu jidħlu fi skola tal-Knisja. Id-dettalji dwar is-sena skolastika 2025-2026 fl-iskejjel tal-Knisja mistennija jitħabbru fil-bidu ta’ Novembru li ġej fuq [knisja.mt]knisja.mt.
//= $special ?>