Lokali

Prof. Charles Briffa (1951-2024): Kritiku, skular u xandar tal-kelma

Kitba ta' Wayne Farrugia

F’intervista li għamilt lil Charles Briffa fl-2024, huwa ddefinixxa l-kelma ‘kritika’ bħala “deċiżjoni, ġudizzju”. Hu jemmen li “l-kritika letterarja hija fergħa siewja u kkomplikata tal-istudji letterarji li tiddefinixxi, tinterpreta, tanalizza, u tiġġudika xogħol skont varjetà ta’ sistemi estetiċi differenti, u din il-ħidma kollha taf twassal għal xi prinċipji fil-ġrajja tal-kitba letterarja.”

Il-kelma tiegħu raqamha bil-mod akkademiku tiegħu u permezz tagħha ġġudika diversi xogħlijiet letterarji għal dawn l-aħħar ħamsin sena. Kiteb f’għadd ta’ rivisti u ġurnali kemm lokali kif ukoll internazzjonali u qatt ma rrifjuta milli jagħti sehmu bil-kelma mirquma tiegħu. Il-kelma hija msejsa minn għadd ta’ ħsejjes imġonġijin flimkien bil-għan li jagħtu gost lil min jismagħhom u jifhem is-sinifikat tagħhom flimkien.

Ir-reżonanza ta’ dawn il-ħsejjes għadni qed nismagħha toħroġ bil-qawwa akkademika tagħha. Għalija mhux biss kien ammiratur li nisimgħu jitħaddet u jfiehem b’dik il-kalma speċjali tiegħu, imma wkoll tutur li saqni bi ħsiebu, b’għemilu u, fuq kollox, bi kliemu. Mhux ta’ b’xejn li għal ħafna snin serva fuq ix-xandir tar-radju u tat-televixin, għaliex kliemu xandru bil-qawwa kollha.

Charles Briffa libes ħafna kpiepel akkademiċi, u għalkemm kien kolt f’diversi oqsma, kemm dawk letterarji kif ukoll lingwistiċi, xorta waħda fiehem b’mod umli u niżel għal-livell tal-kotra. Il-poplu semgħu, xtarru u fiehmu, u għadha temmen bis-sħiħ li dan ir-raġel kien u jibqa’ l-għalliem tal-kelma litterali u figurattiva.

Illekċerja (biex nuża kelma konkatenattiva kif dejjem kien jieħu gost joħloq hu) għal bosta snin l-Università ta’ Malta, sewwasew fil-Fakultà tal-Arti, bħala lekċerer tal-Malti u tat-traduzzjoni. Din il-fakultà hija espożizzjoni tal-ħsieb ħieles, għelm tal-libertà tal-espressjoni u xandara tal-kelma; tliet prinċipji li Briffa mexa magħhom u għaddiehom lill-istudenti tiegħu fis-snin edukattivi tiegħu. Il-ħsibijiet filosofiċi li trawwem fihom fil-Fakultà tal-Arti huma meqjusin bħala ż-żerriegħa ta’ dak kollu artistiku u letterarju.

Fid-daħla għal Il-Poeżija Maltija: It-Tieni Volum, Briffa jara “ħażna ineżawribbli ta’ valuri, ta’ ideat, ta’ xbihat” fix-xogħlijiet letterarji li meta nipperċipuhom u nassorbuhom jimlewlna ħajjitna (i). Għalih, il-letteratura hija mezz biex titfisser il-kontemporanjetà taż-żmien li fih tkun ixxettlet, u għaldaqstant kull xogħol li stħarreġ hu, studjah mill-perspettiva tal-ambjent ta’ żmienu, ngħidu aħna meta studja x-xogħol monumentali tal-Prof. Oliver Friggieri (1947-2020) Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri (1986) li nkiteb b’kuraġġ kbir fi żminijiet soċjopolitiċi partikolari f’pajjiżna. Is-soċjoloġija tal-letteratura titlob li l-istudjuż janalizza x-xogħol fid-dawl tal-ġrajjiet li jkunu għaddejjin attwalment. Mela, il-letteratura mhux biss tagħti gost lil min jismagħha, imma hi wkoll għodda ta’ tagħlim favur l-indipendenza intellettwali.

Fl-istess antoloġija ta’ Il-Poeżija Maltija: It-Tieni Volum, Briffa ddikjara bis-sħiħ li “ċ-ċokon ta’ Malta huwa kbir biżżejjed biex jesa’ lil kulħadd” (xxxviii). Dan il-motiv letterarju taċ-ċokon u tal-insularità tal-gżira ilu jiġi espress minn diversi kittieba, kważi kważi sar klixè, li għad li Malta ċkejkna xorta waħda hija kapaċi tiffilosofizza u tikxef il-veritajiet moħbija fuqha nnifisha. Naturalment, hija f’idejn il-Maltin infushom jekk iridux jew humiex imħollija jikxfu dawn il-veritajiet. U jekk hemm verità, kif niddefinixxuha? Jekk għandha definizzjoni, wara kollox! Għal Charles Briffa, ix-xogħlijiet letterarji huma għejun li minnhom jinkixfu l-ideat, il-valuri, is-sentimenti u, fuq kollox, il-verità fuqna nfusna. Dan għaliex il-letteratura hija esperjenza tal-bniedem u bħalma l-bniedem ma jistax joħroġ mid-definizzjoni tal-esseri tiegħu nnifsu, hekk ukoll il-letteratura ma tistax toħroġ ’il barra mir-realtà.

Illum il-ġurnata, qed inħabbtu wiċċna ma’ realtà oħra, it-telfa ta’ wieħed mill-ġganti fit-tkattir tal-ħsieb, fil-kostruzzjoni tal-kelma u fix-xandir ta’ fehmiet analitiċi. Li l-poplu jibqa’ jżomm memorja ħajja ta’ Charles Briffa permezz tal-pubblikazzjonijiet massivi tiegħu mhuwiex biżżejjed, fl-opinjoni tiegħi. Tabilħaqq, dan il-bniedem għandu, bir-raġun, jitqies bħala l-kritiku letterarju nazzjonali ta’ pajjiżna, li ħadem qatigħ f’ġieħ il-lingwistika u l-letteratura Maltija!