Kuntrattur ta’ 48 sena minn Ħal Qormi ngħata sentenza sospiża wara li nżamm responsabbli għall-ġrieħi serji li sofra ibnu waqt li kien qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni. L-inċident kien seħħ fit-22 ta’ Mejju 2019 fi Triq Ħaż-Żebbuġ, f’Ħ’Attard. Iben il-kuntrattur ta’ 17-il sena kien waqa’ u weġġa’ serjament fejn għamel ukoll xi żmien fil-periklu tal-mewt.
Il-Pulizija u l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol investigaw il-każ li dwaru nħatret ukoll inkjesta, fejn minkejja li din sabet li kien hemm biżżejjed evidenza biex dan ma jitressaqx, il-Pulizija kompliet tipproċedi u tinvestiga.
Fil-Qorti, mar-raġel ta’ 48 sena minn Ħal Qormi tressaq ukoll missieru ta’ 71 sena wkoll mill-istess lokalità. Wara li sema’ x-xhieda, il-Maġistrat Kevan Azzopardi rrimarka li mill-provi rriżulta li fuq il-post ma kienx hemm ilqugħ protettiv.
Fl-istess waqt innota wkoll li l-vittma ma kienx liebes is-safety harness u li ma kienx għadu għalaq it-18-il sena u għalhekk kien projbit milli jingħata x-xogħol li ngħata. Il-Maġistrat Azzopardi ma sabx lil anzjan ħati u għalekk illiberah mill-akkużi kollha.
Dwar il-ħati, il-Qorti qalet li ħasbet fit-tul dwar il-piena li għandha tiġi inflitta fuq missier it-tifel. “Dan kien inċident serju li fih weġġa’ żagħżugħ gravament u saħansitra kien fil-periklu tal-mewt. Dan kien inċident sfortunat li bil-prekawzjonijiet imfassla fil-Liġi u Regolament applikabbli, seta’ ġie evitat.
“Tirrikonoxxi wkoll li dan l-inċident ma seħħx b’xi ksuħat da parti tal-imputat, bħalma kien ikun il-każ fejn l-imputat kien qiegħed isuq vettura b’sewqan eċċessiv jew taħt l-effetti tal-alkoħol u tajjar persuna.” Il-Qorti kkunsidrat ukoll li l-iskop tal-piena m’għandux ikun wieħed ta’ tpattija.
Il-piena m’għandhiex isservi bħala xi forma ta’ vendikazzjoni tas-soċjetà fil-konfront tal-ħati. Però, il-piena għandha diversi skopijiet fosthom li jiġi ripristinat it-tessut soċjali li jkun ġie mċarrat bil-għemil ta’ dak li jkun.
Il-Qorti kkunsidrat ukoll li l-Qrati tagħna, f’ċerta każijiet fejn persuni nstabu ħatja ta’ omiċidju involontarju, ma ngħatawx piena karċerarja effettiva. Wara li l-Qorti kkunsidrat li l-imputat ħa diversi prekawzjonijiet, għalkemm mhux il-prekawzjonijiet kollha, u wara li kkunsidrat ukoll li mhuwiex persuna ta’ kondotta vjolenti jew li għandu bżonn xi tip ta’ riforma fil-karattru tiegħu, jidhrilha li m’għandhiex tinfliġġi piena ta’ priġunerija effettiva.
Għaldaqstant ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn u multa ta’ €8,500. Il-Qorti rrimarkat li kieku dan obda r-regolamenti, l-inċident seta’ jiġi evitat. Il-Maġistrat Azzopardi kkundanna wkoll lill-ħati jħallas €1,713 għall-ispejjeż tal-esperti mqabbda mill-Qorti.
//= $special ?>