Lokali

Wara sajf sħiħ ma jidher imkien, il-Ministru Byron Camilleri baqa’ ma ta l-ebda soluzzjoni – PN

Hekk kif il-Parlament se jerġa’ jibda, dan is-sajf kien dominat minn nuqqasijiet kbar li jaqgħu taħt il-Ministeru ta’ Byron Camilleri:

  • Estensjoni tal-kuntratt tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, meta dan kien ċar li falla;
  • Skandlu tal-Karti tal-Identità b’indirizzi foloz;
  • Żewg Inkjesti Maġisterjali: waħda dwar il-LESA u oħra dwar Identità;
  • Każijiet kif rajna fil-Ħamrun fejn, minħabba n-nuqqas ta’ investiment u riżorsi fil-Korp, qed ibatu l-konsegwenzi l-Uffiċjali tal-Infurzar u l-familji tagħhom;
  • Laqgħat sigrieti fil-Ħabs bejn Yorgen Fenech, il-Head of Strategy tal-Ħabs u nies terzi minn barra l-Ħabs;
  • Naqas milli jippubblika l-Labour Market Research Study dwar il-pjan tal-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin f’pajjiżna.

U agħar minn hekk, ma rajna l-ebda turija ta’ rieda ta’ riforma, viżjoni jew pjan għal dan il-Ministeru.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Ministers Darren Carabott u Claudette Buttigieg, li fakkru wkoll kif, quddiem dan kollu, il-Ministru Byron Camilleri kien assenti u sparixxa għal kollox. Issa, reġa’ tfaċċa u aċċetta li jpoġġi ma’ żewġ ġurnalisti, iżda rrifjuta li jirrispondi l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti u jserraħ ras il-poplu Malti u Għawdxi.

Dan deher fiż-żewġ intervisti li għamel mal-ġurnalisti tal-MaltaToday u tat-Times of Malta, ippubblikati fl-aħħar jiem, fejn Byron Camilleri falla milli jipprovdi xi tip ta’ soluzzjonijiet, tant li kulma jmur, qed ikompli jidher ċar li tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni u ta’ kważi kull dipartiment li jaqa’ taħtu.

Il-kelliema qalu li kieku kien serju, f’dawn l-intervisti u anke wara – jew aħjar mill-ewwel kif ħarġu dawn l-allegazzjoni matul is-sajf – Byron Camilleri kien jara kif se jindirizza t-taħwid wara l-iskandlu tal-Aġenzija Identità, it-taħwid li ħoloq fis-sistema tar-rekords tal-Isptar u entitajiet governattivi oħrajn, il-posta f’ismijiet ta’ persuni li qed tasal f’residenzi li ma jgħixux fihom, kif l-awtoritajiet ħallew li joħorġu benefiċċji soċjali lill-persuni li kienu rreġistrati fuq indirizz falz, u anke kif kien hemm min abbuża mis-sistema. Naqas ukoll milli juri x’passi serji ttieħdu dwar l-allegazzjonijiet fuq il-LESA.

L-unika risposta li kellu l-Ministru kienet li l-entitajiet governattivi fiċ-ċentru ta’ dawn l-iskandli għamlu rapporti mal-Pulizija. Dan, allura, ifisser li l-Kummissarju tal-Pulizija ma ħa l-ebda passi. U bl-argument tal-Ministru stess, ifisser ukoll li dipartiment ieħor li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-istess Ministru, il-Pulizija, ukoll naqas.

Il-Ministru qalilna wkoll li xhur ilu l-Aġenzija Identità ssospendiet persuna li kienet taħdem magħha b’rabta mal-iskandlu tal-Karti tal-Identità, li jfisser li l-Ministru ħeba din l-aħbar għal dawn ix-xhur kollha. Il-Ministru naqas li jsemmi dak li qalet Identità, jiġifieri li saret investigazzjoni interna, u dan ikompli jqajjem id-dubji jekk verament saritx din l-investigazzjoni wara li l-Gvern naqas milli jilqa’ l-isfida tal-Partit Nazzjonalista u jippubblikaha, jekk verament saret.

Il-kelliema fakkru wkoll kif il-Ministru saħanistra ammetta li ma sarux spezzjonijiet dwar il-persuni barranin li ġew jirreġistraw fejn qed jgħixu u qal li issa beda jsir infurzar fit-toroq. Turija ta’ kemm dan hu Gvern bla pjan u reattiv għall-iskandli meta jinkixfu mhux meta jkun qed isir il-ħażin. Qal ukoll li l-Gvern għandu informazzjoni dwar kemm hawn barranin f’pajjiżna, iżda la rrisponda kemm u wisq anqas fejn qegħdin dawn in-nies ladarba rreġistraw indirizz falz. Wisq anqas ikkommetta ruħu li jippubblika l-‘market research study’ li qalu li sar dwar il-bżonn ta’ ħaddiema barranin f’pajjiżna.

Il-kelliema tennew li l-Partit Nazzjonalista hu ddiżappuntat li l-Ministru ma ħareġ bl-ebda soluzzjoni għall-inkwiet tan-nies, anzi kompla jiġġustifika l-ħabi ta’ ċerta informazzjoni mill-pubbliku. Hu wkoll diżappuntanti li l-Gvern qed jonqos milli jilqa’ l-proposta tal-Partit Nazzjonalista li tinħoloq sistema fejn is-sidien tal-propjetajiet ikunu jistgħu jivverifikaw kemm-il persuna hemm irreġistrata fuq il-proprjetà tagħhom biex jaraw jekk hemmx persuni rreġistrati li mhux veru jgħixu magħhom. Lanqas għal din il-proposta ma rreaġixxa Byron Camilleri.

Ir-risposti studjati “copy u paste” tal-Ministru juru biss li l-Ministru jrid ikompli jaħbi mill-ġurnalisti u mill-pubbliku, kif ukoll li ħsiebu biss biex jitfa’ t-tort fuq kulħadd ħlief fuqu nnifsu. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jsostni t-talba tiegħu li Byron Camilleri għandu jirriżenja.