Raġel ta’ 34 sena mill-Eritrea li kien ġie kkundannat tmien xhur ħabs, se jerġa’ jkollu l-każ tiegħu aġġudikat wara li s-sentenza ngħatat b’lingwa li ma jifhimx. Habte Mariam Tsegethans kien ġie mixli l-Qorti fuq inċident li seħħ fl-2019 li kien relatat ma’ avvanzi sesswali.
Huwa kien akkużat li poġġa taħt suġġett mara għal att ta’ intimità fiżika kontra l-volontà tagħha. Il-każ huwa relatat ma’ allegata mġiba mhux xierqa mill-akkużat meta fit-2 ta’ Lulju 2019, ir-raġel kien rikeb tal-linja, poġġa ħdejn il-mara u allegatament għamel avvanzi sesswali fuqha. Il-mara kienet infurmat lis-sewwieq u fil-post issejħet l-assistenza tal-Pulizija.
F’Mejju tal-2024, il-Maġistrat Monica Vella, ikkundannat lir-raġel għal tmien xhur priġunerija effettiva, kif ukoll ħarġet ordni ta’ trażżin favur il-vittma għal perjodu ta’ sentejn. Is-sentenza kienet tfasslet u ngħatat bil-Malti.
Tsegethans ressaq appell fejn talab li s-sentenza tiġi revokata jew mibdula. Il-Qorti tal-Appell Kriminali osservat li din kienet sentenza preliminari dwar l-ewwel ilment mill-akkużat. Ir-raġel ilmenta li s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati għandha tiġi ddikjarata nulla minħabba li ma jifhimx bil-Malti kif iddikjara quddiem l-istess Qorti msemmija u minħabba li l-proċeduri kellhom isiru bl-Ingliż.
Tsegethans kien informa lill-Qorti permezz ta’ interpretu li ma kienx jifhem bil-Malti iżda jaf jitkellem bl-Ingliż. Dan ġie rreġistrat ukoll fil-minuti tal-kawża fl-1 ta’ Diċembru 2021. Il-Qorti tal-Appell Kriminali osservat li mill-atti tal-każ, jidher li l-proċeduri saru bl-Ingliż sat-2 ta’ Ġunju 2023, meta l-minuti tfasslu bil-Malti.
Irriżulta wkoll li ma kienx hemm digriet li jiddeċiedi li l-proċeduri għandhom ikomplu bil-lingwa Maltija. Ġie osservat ukoll li meta l-Qorti tal-Maġistrati tat is-sentenza tagħha fit-3 ta’ Mejju 2024, l-ewwel Qorti qrat is-sentenza u nnutat li l-Qorti kienet spjegat il-konsegwenzi u l-obbligi imposti taħt is-sentenza kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti. L-appellant kien iddikjara li kien fehem.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, innutat li l-ewwel Qorti setgħet kienet konxja li bi żball tat sentenza bil-lingwa ħażina, u ħasset li kien meħtieġ li tirreġistra fl-atti tal-kawża li kienet spjegat lill-akkużat, kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti, l-obbligi tiegħu vis-à-vis is-sentenza li ngħatat.
“Dan ifisser li lr-raġel ma setax jifhem il-verżjoni Maltija tas-sentenza hekk mogħtija,” sostniet il-Qorti tal-Appell Kriminali filwaqt li nnutat li l-appellant kien iddikjara quddiemha li ma setax jifhem kompletament il-Malti użat iżda seta’ jifhem bl-Ingliż.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali laqgħet l-ewwel ilment imqajjem minn Tsegethans u ddikjarat is-sentenza mogħtija mill-ewwel Qorti bħala nulla u bla effett. Iċċarat li l-proċeduri li saru quddiem l-ewwel Qorti ma kinux qed jiġu ddikjarati nulli, imma s-sentenza appellata biss.
L-Imħallef Camilleri ordna li l-atti tal-każ jintbagħtu lura lill-Qorti tal-Maġistrati sabiex Tsegethans ikun jista’ jiġi ġġudikat mill-ġdid.
//= $special ?>