Lokali

Appell għal sforz kollettiv biex l-industrija marittima Maltija titmexxa ‘l quddiem

Rappreżentanti ewlenin tal-industrija qasmu l-viżjoni għas-snin li ġejjin

Investiment aktar b’saħħtu fl-infrastruttura, aktar appoġġ lill-industrija biex tħaddan prattiċi sostenibbli u biex issib persuni bil-ħiliet meħtieġa, aktar investiment fil-promozzjoni tal-industrija Maltija u l-bżonn ta’ qafas regolatorju inqas burokratiku biex tissaħħaħ il-kompetittività ħarġu bħala l-ingredjenti essenzjali biex is-settur marittimu jimxi ‘l quddiem, hekk kif rappreżentanti ewlenin tal-industrija qasmu l-viżjoni tagħhom għas-snin li ġejjin.

Fl-okkażjoni tal-Jum Marittimu Dinji, il-Malta Maritime Forum ġabar flimkien mexxejja mill-industrija, mis-settur pubbliku u privat, biex jindirizzaw l-isfidi ewlenin li hemm f’dan il-qasam, quddiem sensiela ta’ bidliet bla preċedent. Lejn il-bidu tal-konferenza, il-Ministru tat-Trasport Chris Bonett ħabbar proċess ta’ konsultazzjoni għal Politika Nazzjonali dwar it-Trasport Marittimu, deċiżjoni li ntlaqat b’mod pożittiv miċ-Chairman tal-MMF, Godwin Xerri, li sostna li l-Forum kien ilu jitlob għal dan l-iżvilupp.

B’konsiderazzjoni tal-kontribuzzjoni dejjem tikber tal-industrija marittima fl-ekonomija Maltija, numru ta’ kelliema appellaw għal aktar attenzjoni u dedikazzjoni ta’ riżorsi lejn l-industrija, permezz ta’ Ministeru dedikat bħalma għandhom pajjiżi marittimi oħra, awtorità marittima dedikata, kif ukoll qorti marittima.

Godwin Xerri appella għal sforz kollettiv biex l-industrija marittima Maltija titmexxa ‘l quddiem. Filwaqt li għaraf is-suċċess tal-pajjiż biex stabbilixxa lilu nnifsu bħala ġurisdizzjoni ta’ reputazzjoni fl-isfera marittima, huwa insista fuq il-bżonn ta’ evoluzzjoni kontinwa. “Biex nibqgħu nirnexxu, irridu nilqgħu t-teknoloġiji l-ġodda, immorru lil hinn minn dak li mdorrijin bih, u negħlbu l-ostakli li hemm quddiemna, bħalama vapur jibqa’ għaddej minn qalb il-baħar imqalleb”, żied jgħid.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Permanenti fi ħdan l-MTIP Godwin Mifsud, mill-Eks Deputat Direttur tal-IMO Jonathan Pace u mill-Perit Karmenu Vella, l-Eks-Kummissarju Ewropew. Il-Perit Vella, li ngħata l-inkarigu li jaħdem fuq l-iżvilupp tal-istrateġija marittima, irrimarka l-bżonn li s-settur pubbliku u dak privat jaħdmu id f’id f’dan il-proċess.

Waqt il-konferenza saret diskussjoni bejn bosta esponenti ewlenin tal-industrija, immoderata mill-Kap Eżekuttiv tal-MMF Kevin J Borg. Il-kelliema tkellmu dwar l-isfidi li għandhom biex jidentifikaw u jżommu l-ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa, il-bżonn li l-industrija tkun infurmata aktar kmieni dwar żviluppi leġiżlattivi fuq livell Ewropew biex ikunu jistgħu jitħejjew aħjar, u l-bżonn ta’ appoġġ għall-investiment finanzjarju u infrastrutturali qawwi meħtieġ biex l-industrija tħejji għat-transizzjoni ekoloġika. Huma ġeddu l-appell tagħhom għal qafas leġiżlattiv kompetittiv u l-bżonn ta’ regolatur dedikat u speċjalizzat, immexxi minn uffiċjali eżekuttivi li huma kwalifikati u mħallsa b’mod adegwat biex jieħdu deċiżjonijiet fil-ħin fl-ambjent kumpless li huwa s-settur marittimu.