Internazzjonali

Ġappun: Kważi 50 sena taħt id-dell tal-mewt qabel il-maħfra

Qorti fil-belt ta’ Shizuoka kkonfermat il-maħfra għal raġel ta’ 88 sena li kien ilu jistenna biex jingħata l-piena kapitali għal kważi 50 sena.

Ir-raġel, Iwao Hakamada, kiser ir-rekord bħala l-aktar raġel fid-dinja li dam bil-piena massima mdendla fuq rasu – u bil-Qorti, issa, tiddeċiedi li l-provi li kienu tressqu kontra tiegħu daqstant snin ilu kienu kollha fabbrikati.

Iwao Hakamada, fl-1968, kien instab ħati dwar l-omiċidju tal-imgħallem tiegħu u l-membri ta’ familtu, fosthom żewġt itfal adolexxenti. Iżda hu, riċentement, kien suġġett għal proċess ġdid fil-Qorti fost suspetti li l-investigaturi, dak iż-żmien, kienu pproduċew ‘il-provi qarrieqa’ li wasslu għall-kundanna ta’ Hakamada.

Is-snin kollha li dam fuq ‘Death Row’ ħallew impatt kbir mentali fuq Hakamada li ma kienx preżenti fil-qorti meta nqara l-verdett tal-maħfra.