Żagħżugħ ta’ 21 sena ġie kkundannat disa’ xhur ħabs wara li ammetta li għamel ħsarat fuq ħames karozzi u li weġġa’ uffiċjal tal-pulizija. Il-każ seħħ fis-16 ta’ Awwissu bejn it-3am u s-6.30am fi Triq is-Sur Fons, f’Paceville, meta l-Ispanjol Jon Vila Jauregui, li ġie Malta biex jaħdem bħala event promoter, wettaq straġi waqt li kien fis-sakra. Waħda mill-karozzi li ġiet vandalizzata hija ta’ Maġistrat.
Huwa weġġa’ ħafif ukoll uffiċjal tal-pulizija u irreżista l-arrest. Ir-raġel tressaq il-Qorti ġurnata wara u wieġeb ħati li kkaġuna ħsara volontarja fuq proprjetà ta’ terzi, li insulenta, hedded u weġġa’ ħafif surġent tal-pulizija, irreżista b’mod vjolenti l-arrest u li kien fis-sakra fil-pubbliku.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, sabet lir-raġel ħati mill-ammissjoni tiegħu stess. Fis-sentenza tagħha, il-maġistrat osservat li l-fatti tal-każ kienu jaqgħu kompletament taħt id-dispożizzjonijiet relattivi tal-Kodiċi Kriminali.
Il-Qorti qieset l-ammissjoni bikrija tiegħu, il-fatt li kkoopera waqt l-investigazzjoni u r-rekord kriminali tiegħu. Madankollu, il-Qorti kkunsidrat ukoll li l-Ispanjol ġie Malta biex jaħdem u minflok kompla jagħmel ħsara lil vetturi ta’ terzi għall-gost u għax ried.
Ir-raġel ammetta wkoll li dakinhar kien qed jixrob ħafna, u l-Qorti saħqet li jrid jiffaċċja l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu stess. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li riedet tibgħat messaġġ ċar lis-soċjetà li mhix se tittollera vjolenza fuq membri tal-Korp tal-Pulizija jew kwalunkwe forza dixxiplinata ordnata.
Għalhekk, il-piena mogħtija, għandha tirrifletti n-natura serja tar-reat filwaqt li tqis ukoll il-fatturi mitiganti bħall-ammissjoni bikrija tiegħu. Il-Qorti osservat li r-raġel attakka lil dawk “li jirriskjaw ħajjithom biex jissalvagwardjaw is-soċjetà billi jinforzaw liġijiet li s-soċjetà stess ħolqot biex tipproteġi lilha nnifisha kontra kriminali bħall-akkużat.”
Sostniet ukoll li ma kien hemm “l-ebda post għal-liġi tal-ġungla f’Malta”, u żiedet li min ma jġibx ruħu b’“mod xieraq” irid jiffaċċja l-ġustizzja. “Persuni antisoċjali m’għandhom l-ebda post fis-soċjetà,” sostniet il-Qorti.
L-Ispanjol weħel disa’ xhur ħabs u mmultat €5,000, li se jinbidlu f’sentenza addizzjonali ta’ ħabs jekk jonqos milli jħallasha. Huwa kien ordnat ukoll iħallas lura lill-vittmi, li ammontaw għal €3,211.82 fost erba’ mill-vittmi tiegħu u ordnat iħallas €484.80 fi spejjeż tal-esperti tal-Qorti.
L-Ispettur Roderick Attard mexxa l-prosekuzzjoni.
//= $special ?>