Internazzjonali

Il-Libanu: Injorati l-appelli għal waqfien mill-ġlied, b’Iżrael ikompli bl-attakki fuq Bejrut u l-bażijiet tal-Ħeżbollah

Iżrael jinsab determinat li jeqred darba għal  dejjem it-theddida tal-milizji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu –milizji li qed jibbumbardjaw kontinwament lill-ibliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera u bil-kaġun li għexieren tal-eluf tal-familji kellhom jirrilokaw lejn zoni anqas perikolużi.

Fl-aħħar sigħat kienu ftit it-tamiet li l-Iżraeljani kienu se jnaqqsu mill-offensiva attwali fuq l-ibliet u d-distretti tal-Libanu fejn il-Ħeżbollah – alleati ewlenin tal-Iran – għandhom diversi bażijiet, moħbiet tal-armamenti u ċentri għall-kmand għall-ġellieda tagħhom. Fil-fatt, il-qawwiet Iżraeljani bħalissa qed jattakkaw l-inħawi ta’ Bejrut, il-kapitali Lebaniża, b’mod sistematiku.

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, fl-aħħar sigħat, ħeġġeġ biex il-qawwiet ta’ pajjiżu ‘ikomplu jiġġieldu bis-saħħa kollha u mingħajr limiti’ kontra l-Ħeżbollah.

Dan jindika li Iżrael jinsab lest aktar minn qatt qabel li jiftaħ front ieħor u ‘permanenti’ tal-gwerra fil-Lvant Nofsani u wara li staġnat il-gwerra li l-militar tiegħu ilu l-aħħar xhur jiġġieled kontra t-terroristi tal-Ħamas f’Gaza.

Fil-fatt, l-aħħar indikazzjonijiet – skont it-tmexxija militari ta’ Iżrael – kienu li t-truppi ta’ Netanyahu jistgħu huma pass biss ‘il bogħod mill-invażjoni totali tal-artijiet Lebaniżi; dejjem bl-iskop li jeliminaw lill-Ħeżbollah bħala forza.

Iżda waqt li l-attakki mill-ajru fuq il-Ħeżbollah ma naqsux fl-aħħar sigħat, l-osservaturi jaqblu li l-milizji Xiti huma għadma ferm aktar iebsa mill-Ħamas minbarra li għandhom fost oħrajn l-armamenti sofistikati u moderni biex jirreżistu għal invażjoni tal-Libanu… invażjoni li – jekk issir – kapaċi anki ġġebbed għal xhur sħaħ.

Min-naħa tagħhom, pajjiżi bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, il-Ġappun u l-Kanada qed jinkwetaw dejjem aktar li s-sitwazzjoni fil-Libanu kapaċi hi diġà inkontrollabbli. Dan għaliex l-Iżraeljani qed jidhru motivati u determinati biex, akkost ta’ kollox, iżidu l-azzjonijiet kontra l-Ħeżbollah.

Għaldaqstant, mistenni li jibqa’ injorat l-appell tal-Istati Uniti u l-Alleati biex Iżrael u l-Ħeżbollah jagħtu ċans lid-diplomazija u jaqblu dwar waqfien mill-ġlied immedjat u effettiv għal 21 jum.

Il-militar Iżraeljan bejn il-lejl tal-Erbgħa u lbieraħ, laqat ‘il fuq minn100 mira oħra tal-Ħeżbollah fin-nofsinar tal-Libanu – zona fejn mifhum li qed tinbet traġedja umana fost ir-residenti ċivili.

L-aħħar attakki tal-Iżraeljani mill-ġdid irriżultaw f’numru mhux ikkonfermat ta’ mwiet u midruba – ġellieda tal-Ħeżbollah u daqstant ieħor ċivili – bil-Ministeru tas-Saħħa Lebaniż jikkonferma ‘l fuq sew minn 600 mewta fil-Libanu mindu l-Iżraeljani rrankaw bil-kbir l-ostilitajiet fil-bidu tal-ġimgħa.