Il-Malta Airport Foundation iċċelebrat l-10 anniversarju mit-twaqqif tagħha, b’attività li matulha fakkret deċennju ta’ investimenti fil-preservazzjoni tal-patrimonju arkitettoniku, artistiku u marittimu tal-Gżejjer Maltin. Għal din l-attività, li ċċelebrat il-kontribuzzjoni importanti tal-Fondazzjoni fil-ħarsien tal-identità Maltija, attendew diversi msieħba li l-Fondazzjoni ħadmet magħhom fl-aħħar snin.
Fil-messaġġ ta’ merħba, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dak li l-Fondazzjoni rnexxielha twettaq tul dawn is-snin u qal li jinsab kburi mmens jaraha tkompli tikber u tikseb kisbiet important.
“Mill-ibħra ċari kristall, għal siti storiċi importanti li raw l-istorja tal-pajjiż tinkiteb fi żminijiet ta’ gwerra, għal xogħlijiet tal-arti imprezzabbli li jżejnu l-knejjes, il-palazzi u l-mużewijiet, Malta toffri prodott turistiku uniku. Bħala l-fundatur u l-uniku donatur finanzjarju tal-Malta Airport Foundation, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jikkontribwixxi għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-istess aspetti tal-patrimonju Malti li huma tant imfittxija mit-turisti li jżuruna, u jassigura li l-legat tagħna jibqa’ ħaj għal ġenerazzjonijiet futuri,” qal Borg, filwaqt li rringrazzja lill-Bord tal-Malta Airport Foundation u l-organizzazzjonijiet imsieħba għall-isforzi tagħhom tul dawn l-aħħar snin.
Waqt l-istess attività, iċ-Chairman tal-Malta Airport Foundation, Josef Formosa Gauci, daħal iżjed fid-dettall tal-proġetti li wettqet il-Fondazzjoni fl-aħħar snin. Huwa saħaq li, filwaqt li l-ewwel għaxar snin tal-Malta Airport Foundation kienu tassew straordinarji, ix-xogħol tal-Fondazzjoni mhux se jieqaf hawn. “Nibqgħu kommessi li nissalvagwardjaw il-passat uniku tal-gżejjer tagħna u rridu li nkomplu nassiguraw li l-istorja, il-kultura u l-ġmiel naturali tal-Gżejjer Maltin jibqgħu jitgawdew għall-futur.”
Sa mit-twaqqif tagħha, il-Malta Airport Foundation ħadmet id f’id ma’ diversi entitajiet u NGOs lokali biex investiet aktar minn €2 miljun fi proġetti li jippreservaw u jippromwovu l-patrimonju Malti. Fost il-kisbiet ewlenin insemmu r-restawr ta’ siti storiċi bħal Torri Xutu, il-Combined Operations Room flimkien mal-Mużew ta’ Operation Husky, u Villa Hay u anke l-konservazzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti fil-knejjes ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra fiż-Żurrieq u Ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta. Il-Fondazzjoni kienet pijuniera wkoll f’diversi proġetti marittimi bil-għan li tiżvela t-teżori storiċi u naturali mistura taħt l-ibħra Maltin.
//= $special ?>