Lokali

Imniedi d-direttorju pubbliku “Find an Engineer” – Kamra tal-Inġiniera

Tnieda d-direttorju pubbliku “Find an Engineer” li ser ikun qed iservi ta’ pjattaforma pubblika ta’ Inġiniera b’diversi speċjalizzazzjonijiet u ser tqarreb il-professjoni tal-inġinerija aktar lejn is-soċjetà.

Il-President tal-Kamra tal-Inġiniera, l-Inġ. Malcolm Zammit, spjega li din l-inizjattiva kienet twieldet fi ħdan il-Kamra u ġiet kummissjonata mill-istess Kamra biex isservi ta’ servizz ġdid lill-membri Inġiniera u tkun għodda siewja għall-membri tal-pubbliku li jkunu qed ifittxu s-servizz professjonali tal-Inġinier. Huwa rrimarka li d-direttorju “Find an Engineer” huwa sit elettroniku li ser ikun aċċessibbli minn kull min għandu aċċess għall-internet sabiex ikun servizz miftuħ u ta’ benefiċċju ġħas-soċjetà’.

Matul l-ispjegazzjoni tad-direttorju, il-President tal-Kamra inkoraġġixxa lill-Inġiniera biex jirreġistraw ruħhom fuq dan id-direttorju biex flimkien mal-Kamra jkomplu jżidu l-valur miżjud tal-istess inizjattiva. Huwa emfasizza li filwaqt li jeżistu ħafna speċjalizzazzjonijiet differenti, l-għan prominenti tal-Inġiniera jibqa’ li nippreservaw is-saħħa u s-sigurtà tal-pubbliku permezz ta’ servizz professjonali u etiku.

L-inizjattiva tad-direttorju “Find an Engineer” mistennija li sservi biex tgħin liċ-ċitaddin jiskopri
talenti tekniċi u professjonali filwaqt li żżid l-apprezzament lejn din il-professjoni importanti.

Id-direttorju pubbliku “Find an Engineer” ser jaġħmel is-servizzi professjonali tal-Inġiniera aktar aċċessibbli mill-membri tas-soċjetà u għalhekk il-Kamra tal-Inġiniera ser tkompli tippromwovih u ttejbu skont il-ħtiġijiet li jinstabu minn żmien għal żmien.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll d-deputati tal-Partit Nazzjonalista Ryan Callus, Mark Anthony Sammut, Rebekah Borg u Stanley Zammit.

Dan id-direttorju pubbliku ta’ Inġiniera jista’ jiġi aċċessat permezz tas-sit elettroniku
www.findanengineer.mt