Internazzjonali

Is-Sudan: L-Armata tibda offensiva kbira fuq Khartoum

L-Armata tas-Sudan bdiet offensiva kbira kontra l-grupp ta’ paramilitari li ilha tikkumbatti għal xhur f’din il-gwerra ċivili. Dan fost rapporti li t-truppi Sudaniżi qed jikkonċentraw fuq id-distretti ta’ Khartoum, il-kapitali tal-pajjiż, u wara li huma kienu tilfu dawk iz-zoni fil-bidu nett tal-konflitt

Il-qawwiet tal-Gvern Sudaniż, intant, ibbumbardjaw lill-bażijiet tal-paramilitari tal-RSF f’diversi bnadi ta’ Khartoum, kif ukoll fl-inħawi ta’ Bahri, lejn it-Tramuntana tal-pajjiż.

Is-Sudan ilu mifni minn din il-gwerra mindu l-Armata u l-RSF daħlu f’taqbida militari intensiva għall-poter f’April tal-2023 – sitwazzjoni li skont in-Nazzjonijiet Uniti ssarrfet f’waħda mill-akbar kriżijiet umanitarji fid-dinja.

Fil-kunflitt tas-Sudan mietu tal-anqas 150,000 waqt li aktar minn għaxar miljuni – xi 20 fil-mija tal-popolazzjoni – kienu sfurzati li jabbandunaw djarhom u jivvjaġġaw kontinwament lejn il-postijiet ftit jew wisq sikuri.

Intant, it-truppi tal-Armata fl-aħħar sigħat qasmu mill-pontijiet ta’ fuq ix-Xmara Nil li qed tissepara liz-zoni kkontrollati mill-Gvern f’Omdurman mir-reġjuni li ħatfu l-ġellieda tal-RSF.

Sa minn kmieni fil-gwerra, il-paramilitari rnexxielhom jaħtfu l-kontroll fi kważi d-distretti kollha ta’ Khartoum u l-aħħar azzjoni mill-Armata tidher li hi l-ewwel inizjattiva sinifikanti tal-Gvern biex jikseb lura l-art mitlufa fil-kapitali.