Raġel li għandu l-vizzju tad-droga li kien ikkundannat sentenza ta’ ħabs talli għex mill-qligħ tal-prostituzzjoni permezz ta’ servizzi offruti f’post fejn jingħataw il-massaġġi, kellu l-kundanna u l-piena tiegħu kkonfermati fl-appell.
Johan Sultana tressaq il-Qorti flimkien mas-sieħba tiegħu, Pawlina Cutajar, fl-2019 u akkużat b’involviment fit-tmexxija ta’ burdell f’sala tal-massaġġi fil-Fgura, użu illegali tal-ħanut, għex mill-qligħ tal-prostituzzjoni kif ukoll b’ħasil ta’ flus.
Sultana ġie akkużat ukoll separatament li kellu pussess illegali ta’ eroina, li kellu għodda li normalment jintużaw għall-isgass, li seraq waqt li kien taħt probation, li sar riċediv u li kiser erba’ sentenzi ta’ kundanna.
L-investigazzjonijiet kienu bdew meta l-Pulizija waqqfu lil Sultana meta kien qed isuq il-karozza tiegħu. Minn tfittxija li saret fil-vettura nstabet l-eroina, balaklava, ingwanta tas-suf, ingwanta oħra ta’ materjal differenti, martell u mwieżen.
Is-suspettat spjega li uża ngwanti tas-suf meta kien isuq ir-‘racer’ tiegħu. Huwa libes il-balaklava taħt l-elmu tas-sewqan. Fir-rigward tal-martell, dak kien aċċessorju maħsub biex jintuża f’emerġenza, li jkisser it-twieqi f’każ li l-karozza tispiċċa fl-ilma.
L-imwieżen kienu maħsuba biex jiżnu oġġetti tad-deheb, kien spjega Sultana. Iżda testijiet forensiċi fuq il-mobile tiegħu żvelaw stampa differenti. Kien jidher ċar li Sultana kien involut fit-tmexxija ta’ ħanut tal- massaġġi fejn kienu offruti “extras” lill-klijenti, ingħad fil-Qorti.
Huwa ċaħad dan meta kien interrogat, u saħaq li bagħat sms biss dwar parts tal-vetturi u xi oġġetti tad-deheb. Madankollu, is-sorveljanza tal-Pulizija barra l-ħanut ikkonfermat il-preżenza regolari ta’ klijenti rġiel li jidħlu u joħorġu mill-post.
Xi wħud minnhom ammettew, meta mistoqsija mill-Pulizija, li kisbu servizzi sesswali bi ħlas. Sadanittant, Sultana nstab iġorr €1,460 fi flus meta ttieħed lura l-għassa. Fid-dar tiegħu nstabu aktar flus kontanti, li jammontaw għal aktar minn €6,000.
Fl-2022, huwa nstab ħati minn Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, u ġie kkundannat għal tliet snin ħabs effettiv. Il-proprjetà kollha tiegħu kellha tiġi kkonfiskata, il-liċenzja tal-ħanut imħassra u ġie mmultat ukoll €110.
Barra minn hekk, kopja tas-sentenza kellha tiġi nnotifikata lid-Direttur Ġenerali tas-Servizzi Soċjali fid-dawl tal-fatt li Sultana ammetta li kiseb €600 f’benefiċċji soċjali fix-xahar. Il-Qorti ordnat ukoll lill-Kummissarju għad-Dħul biex jinvestiga kull qligħ kapitali dovut fuq it-trasferiment tal-ħanut, u aktar investigazzjonijiet kontra sid il-ħanut u n-nutar li fasslu l-att. Sultana ressaq appell għal bosta raġunijiet. Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ċaħdet kull wieħed minn dawn ir-raġunijiet.
Il-prosekuzzjoni kienet uriet lil hinn minn dubju raġonevoli, li l-fondi fil-pussess ta’ Sultana kienu marbuta mal-prostituzzjoni, qalet il-Qorti. Huwa ammetta wkoll il-vizzju tad-droga tiegħu, u qal li gramma droga tiswa €35 u li kellu bżonn dik id-doża jew ftit aktar kuljum.
Huwa ammetta wkoll li kiseb €600 f’benefiċċji soċjali fix-xahar. Madankollu, sid il-ħanut li qalet li biegħet il-post, tħallset aktar minn €20,000 fi flus kontanti. It-trasferiment kien deskritt bħala ‘donazzjoni’ u dan wassal għal aktar dubji.
Meta l-Pulizija qabdu l-mowbajl ta’ Sultana, dan ma kellux problemi biex jixtri ieħor għal €600. Bħala missier, kellu jkopri wkoll ħlasijiet ta’ manteniment. Peress li l-appellant ma setax joffri spjegazzjoni għal dawk il-flus kollha, is-somom iridu ovvjament ikunu ġejjin minn sors ieħor, osservat il-Qorti.
Ir-records tal-każ urew li “l-uniku sors” kien relatat mas-servizzi sesswali mogħtija mis-sieħba tiegħu, Cutajar. Il-prosekuzzjoni, għalhekk, kienet ippruvat biżżejjed li Sultana kellu fondi għad-dispożizzjoni tiegħu li ġejjin mir-reati li kien akkużat bihom.
Għalkemm fl-appell tiegħu l-akkużat argumenta li ma kienx assistit minn avukat waqt l-interrogazzjoni, l-imħallef li ra r-recording awdjoviżiv u osserva li l-affarijiet kienu mod ieħor. Wara li ffirma r-rifjut tiegħu għall-assistenza legali, Sultana laqat kull allegazzjoni li saret mill-interrogaturi tiegħu.
Ma jidhirx li kien fi stat mentali ħażin, osserva l-imħallef. Meta tqies kollox, il-Qorti kkonfermat il-kundanna u l-piena kollha kemm hi li, anke fid-dawl tal-kondotta kriminali ta’ Sultana, kienu jaqgħu għal kollox fil-parametri tal-liġi.
//= $special ?>