Sport

L-aħħar żewġ minuti fatali għall-Maltin

It-tim Malti tal-futsal jitlef it-tieni partita ta' ħbiberija

L-aħħar żewġ minuti kienu fatali għat-tim nazzjonali Malti tal-futsal hekk kif tilfu t-tieni logħba internazzjonali ta’ ħbiberija kontra r-Rumanija bl-iskor ta’ 3-1.

Din kienet it-tieni partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet bejn dawn iż-żewġ nazzjonijiet wara li fl-ewwel konfront, ir-Rumeni rebħu 2-1.

Il-Maltin għamlu kważi logħba sħiħa fil-vantaġġ, iżda xi żbalji li seħħew fl-aħħar minuti kienu fatali sabiex ir-Rumeni dawru l-iskor favurihom.

Malta marru minn fuq f’nofs l-ewwel taqsima permezz ta’ Luke Gatt li b’xutt mill-ewwel ħasad lill-goalkeeper Tonita Petrisor.

Meta kollox kien jidher li l-Maltin kienu se jirbħu din il-partita, żewġ minuti minn tmiem il-partita, il-Maltin wettqu s-sitt foul li kien ifisser free-shot kontrihom sabiex Andor Balint għeleb lil Ryan Marmara. Ftit sekondi wara, Andrei Cracium għamilhom 2-1 sabiex eżatt kif il-Maltin ħarġu bil-flying keeper, Hadnagy Istvan approfitta u f’lasta vojta ssiġġilla r-rebħa finali.

Malta lagħbu b’din il-formazzjoni: Ryan Marmara, Michael Borg, Giancarlo Sammut, Collin Sammut, Robert Stoyanov, Andre Ciancio, Celino Alves, Andre Cachia, Aaron Montebello, Mark Zammit, Maicon, Luke Gatt, Cleaven Portelli, Marwan Telisi, Steve Camilleri, Karl Luke Schembri, Ryan Scerri, Andrej Trajkowski, Sam Abela.

Referee 1: Andrea Naudi

Referee 2: Stephen Vella.

Referee 3: Marco La Rosa.

Time-Keeper: Jonathan Balzan.